Fit-territorji Palestinjani kompliet tiżdied ir-rabja wara l-ħruq li wassal għal mewt ta’ Ali Saad Dawabsheh ta’ tmintax il-xahar fil-villaġġ ta’ Duma biswit Nablus, f’attakk li responsabbli għalih hemm estremisti Lhud bil-grupp militanti Hamas isejħu għal vendetta assoluta.
Il-President Palestinjan Mahmoud Abbas iddeskriva dan l-att bħala reat kontra l-umanita’. Saħaq li diment li artijiet Palestinjani jibqaw okkupati mill-Lhud dawn it-tip ta’ reati ser ikomplu. Abbas sostna li ħadd ma’ kien ser iwaqqaf lill-Palestinjani milli jagħmlu rapport quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar dan il-każ u każijiet oħra.
Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu kkundanna dan l-attakk bħala wieħed xokkanti u wiegħed l-appoġġ sħiħ tiegħu sabiex iseħħ ġustizzja. Huwa qal li dan l-att kien wieħed li jista’ jiġi definit bħala terroriżmu. “Aħna ser niġġieldu kontra t-terroriżmu u ser nirbħu kontra t-terroriżmu. Dawn responsabbli jridu jiffaċjaw il-ġustizzja” saħqet stqarrija tal-gvern ta’ Iżrael.
//= $special ?>