Lokali

1,000 każ ta’ abbuż fuq l-anzjani f’ħames snin

Ritratt mill-arkivji

Propju ftit minuti wara li tressaq nursing aid quddiem il-qorti akkużat b’abbuż fuq anzjana, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani Justyne Caruana sejħet konferenza tal-aħbarijiet fejn tkellmet dwar il-problema tal-abbużi fuq l-anzjani.

Justyne Caruana qalet li l-konferenza ma kinitx qed issir ghax tressaq in-nursing aid il-qorti iżda għaliex is-segretarjat ħass li kellu jagħmel konferenza tal-aħbarijiet biex jitkellem dwar is-suġġett. Għall-kumment tal-ġurnalisti li konferenzi ta’ dan it-tip mhux normali jsiru l-Ħadd waranofsinhar, Justyne Caruana qalet li hi kienet qed tippjana li tagħmel il-konfernza tal-aħbarijiet iktar ‘il quddiem iżda ħasseet li kellha propju f’dak il-ħin.

Din il-konfernza kienet qed tissejjaħ propju l-għada li l-Partit Nazzjonalista kien diġà rreaġixxa dwar l-abbuż fuq l-anzjani. Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija tax-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Anzjani Robert Cutajar, saħaq li b’reazzjoni għall-aħħar incident li allegatament seħħ ġewwa r-residenza San Vinċenz de Paule, kategorikament jikkundanna kull tip ta’ allegat abbuż fuq l-anzjani.

Il-partiti politiċi għandhom dejjem aktar jaħdmu sabiex jiżguraw li d-drittijiet tal-anzjani jkunu mħarsa u li qatt ma jkun hemm abbużi tal-ebda tip. Il-Partit Nazzjonalista saħaq ukoll l-importanza li l-Gvern juża dejjem l-istess riga f’kull każ ta’ allegat abbuż li jasal quddiemu. Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jikkundanna wkoll kull nuqqas ta’ aġir mill-Gvern dwar kwalunkwe każ ta’ abbuż fuq l-anzjani.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet Justyne Carauna qalet biss li bejn l-2010 u l-2014 kien hemm madwar 1,000 każ ta’ abbużi fuq l-anzjani u li l-politika tal-gvern hi waħda ta’ tolleranza żero quddiem dawn l-abbużi. L-abbużi fuq l-anzjnai jvarajw minn abbuż fiżiku, meentali u emonzzjonali. Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li hu pożittiv li l-liġi li żidiet il-pieni dwar l-abbuż fuq l-anzjani kienet approvata b’mod unanimu fil-Parlament.