Lokali

Dikjarazzjonijiet li juru li l-Gasol kienet ilha f’sitwazzjoni mwiegħra

Il-kumpanija Gasol, li kellha l-akbar sehem fil-konsorzju Electrogas – li hu responsabbli mill-bini tal-powerstation il-ġdida – bħal dan iż-żmien sena kienet għamlet dikjarazzjonijiet li jagħtu ħjiel li kienet diġà f’pożizzjoni mwiegħra.

Il-ġurnal il-mument żvela dan f’rapport li fih ippubblika silta mill-komunikat li kien sar u li jikkonferma kif il-Gasol ma kinitx se tattira kapital fi żmien li talbet l-approvazzjoni biex ma tibqax parti mill-Borża ta’ Londra.

Ftit ilu tħabbar li l-Gasol ma kinitx se tibqa’ iktar parti mill-konsorzju fdat mill-Gvern Laburista biex jibni l-powerstation. Dan peress li l-kumpanija tinsab f’qagħda finanzjarja mwiegħra.

Fil-ħarga tal-lum, il-mument ippubblikat kopja ta’ komunikat li sena ilu kien sar mill-Gasol u li juri t-tħassib għal fatt li Gasol ma kinitx f’pożizzjoni li tikseb finanzjament u b’hekk ma setgħetx tibqa’ tiġi kkwotata fil-Borża ta’ Londra.

Id-dokument żvelat minn il-mument hu datat 17 ta’ Gunju 2014. Madanakollu, sa erba’ xhur wara, il-Ministru responsabbli mill-enerġija Konrad Mizzi kien għadu tal-fehma li l-kumpanija Gasol kienet f’qagħda finanzjarja b’saħħitha.

L-irtirar tal-Gasol mill-konsorzju Electrogas iqajjem dubji dwar xi proċessi ta’ due diligence wettaq il-Gvern qabel ma ta l-progett tal-bini tal-powerstation tal-gass f’Delimara f’idejn l-Electrogas.