F’pajjiżna qed jinħass aktar il-bżonn ta’ politika onesta. Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101 nhar il-Ħadd filgħodu.
“L-aspirazzjoni tiegħi hija li l-politika f’pajjiżna tkun nadifa u li jkollna gvern li jmexxi bl-eżempju tajjeb. Għandi fiduċja kbira li, jekk nimxu f’din it-triq, għalkemm triq iebsa u diffiċli, b’ħeġġa u determinazzjoni naslu għax din hija t-triq tas-sewwa u s-sewwa jirbaħ żgur” saħaq Simon Busuttil.
Fi żmien meta għandna l-iktar Gvern korrott minn żmien Mintoff u Lorry Sant, il-ħtieġa għal politika nadifa issir iktar qawwija, sostna Simon Busuttil.
Matul l-intervista l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar ir-rapport tal-Imħallef Michael Mallia dwar l-eks Spettur Daniel Zammit u qal li dan ir-rapport jikxef rabtiet perikolużi bejn Kastilja, il-familja Zammit u l-familja Gaffarena – rabtiet li huma mibnija fuq il-poter, il-flus u l-kriminalità. Rapporti li quddiemhom il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jibqa’ sieket.
“Dan kollu qed isir taħt imnieħer il-Prim Ministru u, la l-Prim Ministru ma għamel xejn dwarhom, qegħdin isiru bil-barka tal-Prim Ministru” saħaq Simon Busuttil.
Is-skiet tal-Prim Ministru jwassal għal għadd ta’ mistoqsijiet partikolarment dwar l-eks Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit. X’jaf Ray Zammit dwar il-Prim Ministru u dwar il-Gvern biex il-Prim Ministru qed jipproteġih daqshekk? staqsa l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Simon Busuttil fakkar li l-uniku pass li ttieħed fil-konfront ta’ Ray Zammit kien li dan ingħata warning. Dan kien it-tieni warning għal Ray Zammit wara li kien diġà qala’ warning wara l-każ ta’ Manuel Mallia.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar it-talba tal-Oppożizzjoni biex l-Awditur Ġenerali jinvestiga l-proċess kollu marbut mal-powerstation għax il-poplu għandu d-dritt li jkun jaf x’qed isir minn flusu. Huwa fakkar li din il-ġimgħa l-Gvern qal li l-qtugħ esaġerat tad-dawl mhux ġej minn problemi fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Fid-dawl ta’ dan, Simon Busuttil staqsa għalfejn il-Gvern daħal għall-proġett tal-powerstation meta pajjiżna ma għandux bżonnha.
Dwar il-proposti tal-Oppożizzjoni dwar ir-riforma fil-pensjonijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-proposti tal-Oppożizzjoni huma mibnija fuq il-kwistjoni tas-sostenibilità u dwar il-ħtieġa li l-pensjonijiet ikunu biżżejjed biex l-anzjani jgħixu ħajja xierqa. Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-laqgħat li kellu din il-ġimgha mal-istudenti u saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jassigura li l-Gvern qatt ma jnawwar il-kwalità tal-edukazzjoni f’pajjiżna.
//= $special ?>