Il-Gvern Malti jinsab f’taħditiet mal-linja tal-ajru Ċiniza Hainan Airlines f’tentattiv biex jintlaħaq ftehim dwar xi rwol jista’ jkollha din il-kumpanija bħala sieħeb strateġiku tal-Air Malta.
Dan tħabbar b’mod esklussiv fil-gazzetta ta’ Il-Mument. Ir-rapport jgħid li l-Hainan Airlines lesta tixtri l-kumpanija AirMalta kollha kemm hi u li x-xewqa tad-diriġenti ta’ Hainan Airlines hija li t-taħdititet mal-Gvern jintemmu fl-iqsar żmien possibbli.
Il-Mument tiżvela wkoll li fiż-żjara tiegħu f’Beijing iktar kmieni x-xahar li għadda, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis iltaqa’ ma’ rappreżenatanti għolja ta’ Hainan Airlines iżda kollox jidika li dawn it-taħdititiet ma kinux konklussivi. Jidher ukoll li anki l-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-kumpanija Hainan Airlines waqt iż-żjara tiegħu f’Beijing fl-aħħar jiem.
Jirriżulta li kienet il-kumpanija Hainan Airlines li talbet li jsiru dawn it-taħditiet mal-Gvern Malti f’Beijing. Jidher li din il-kumpanija, li diġà għandha ishma f’numru ta’ linji tal-ajru barranin, għandha l-appoġġ kollu tal-Gvern Ċiniż biex tidħol fi ftehim dwar l-Air Malta.
Il-Mument jgħid li l-Gvern Malti sa issa żamm kollox mistur dwar il-ħidma li qed issir minn wara l-kwinti biex l-Air Malta ma tfallix hekk kif minn Marzu 2016 il-Gvern Malti mhux se jkollu d-dritt li jgħin finanzjarjament lill-Air Malta minħabba li dan imur kontra r-regolamenti tal-UE. Sa dak iż-żmien l-Air Malta trid tkun kummerċjalment vijabbli skont programm ta’ ristrutturazzjoni li kien miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea.
//= $special ?>