Lokali

Nirien fi scrapyard f’Birżebbuġa

Numru ta’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellhom jingħataw il-kura wara dħahen li belgħu waqt li kienu qed jikkontrollaw nirien li nħakmu fi scrapyard f’Birżebbuġa.

In-nirien żviluppaw qabel il-11 ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġew infurmati bin-nirien fi scrapyard fiż-zona magħrufa bħala Ta’ Ħarbat, fin-niżla ta’ Għar Dalam. Fuq il-post marru l-pulizija kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkontrollaw in-nirien. Kawża tal-ammont kbir ta’ duħħan li żviluppa, madwar ħames pumpiera kellhom jingħataw il-kura fuq il-post.

Kien irrappurtat ukoll li minn tal-inqas pumpier wieħed kellu jingħata kura f’għajnejh wara ċilindru li sploda qrib fejn kien qed jitfi n-nirien.

In-nirien li ħakmu din l-iscrapyard kienu kbar tant li l-pumpiera kellhom imorru jimlew iktar ilma mill-baħar fil-qrib. Diversi persuni li tkellmu ma’ dan is-sit tkellmu dwar kif lemħu dħaħen kbar minn diversi postijiet f’Malta

Intant, kien rappurtat li s-sid tal-iscrapyard aggredixxa xi membri tal-midja li kienu fuq il-post biex jirrappurtaw l-inċident.