Lokali Qorti

Nursing Aid akkużat b’abbuż fuq anzjan fir-Residenza San Vinċenz de Paule

Nursing Aid mill-Fgura, George Michael Spieri, illum tressaq il-qorti b’urġenza akkużat b’abbuż fuq anzjan ta’ 91 sena fir-Residenza San Vinċenz de Paule.

Il-każ seħħ fil-31 ta’ Lulju fit-8 am fuq l-anzjan ta’ 91 sena Carmelo Bonello u fl-akkuża n-nursing aid qed ikun akkużat li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq l-anzjan. L-akkużat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi mressqa kontrih u ngħata l-libertà proviżorja b’garanzija personali ta’ 3,000 ewro.

Fil-kawża l-Maġistrat Ian Farrugia indirizza lill-familjari tal-anzjan li kienu preżenti fl-awla. Lill-familjari l-Maġistrat Farrugia qallhom li s-soċjetà għandha tapprezza ferm il-ħidma li jwettqu l-infermiera li jieħdu ħsieb l-anzjani ħlief għal xi ftit li jwaqqgħu din il-professjoni bl-aġir irresponsabbli tagħhom.

Quddiem l-istess Maġistrat tressaq ukoll Anthony Borg minn San Pawl il-Baħar li kien akkużat li fl-1 ta’ Awwissu li għadda fil-Floriana u fid-Depot tal-Pulizija pprova jattakka uffiċjal tal-pulizija wara li twaqqaf bil-karrozza. Hu kien akkużat ukoll li fid-depot hedded uffiċjal tal-pulizija.

Akkużi oħra fil-konfront ta’ Anthony Borg huma li saq vettura meta kien xurban, li rrifjuta li jsirlu test tan-nifs u li fid-depot immalafama pulizija. Anthony Borg kien akkużat ukoll li tkellem ħazin fil-pubbliku, li kkommeta reat taħt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li sar riċediv. L-akkużat wieġeb li mhux ħati u qalu li ma kellux is-saħħa fiżika biex iwettaq dawk li l-pulizija qed jakkużawh bih. Il-Maġistrat Farrugia ordna li minħabba l-gravità tal-akkużi mressqa kontra l-akkużat u minħabba l-kondotta tiegħu, Anthony Borg m’għandux jingħata l-libertà proviżorja.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia tressqet ukoll it-tfajla Ingliża ta’ 20 sena Shannon Leigh Williams, li hi residenta l-Ħabs. L-Ingliża kienet akkużata li heddet u attakkat uffiċjali tal-Ħabs, li m’obdietx l-ordnijiet tagħhom u li insulentathom. Il-Maġistrat Farrugia appella lill-akkużata biex tfittex għajnuna medika u għamel talba lid-direttur biex jikkunsidra jekk l-akkużata għandhiex tintbagħat fit-taqsima forensika tal-ħabs.

Fil-Qorti l-Ingliża ma talbitx il-libertà proviżorja għax diġà tinsab il-ħabs fuq każ ieħor iżda talbet li tintbagħat fit-taqsima forensika biex tingħata l-aħjar attenzjoni minħabba ċ-ċikorstanzi diffiċli li għaddiet minnhom. Hi wieġbet li ma kinitx ħatja tal-akkużi kontriha sakemm tikkonsulta iktar mal-avukat tagħha.

F’każ ieħor l-Pulizija ressqu lit-Taljan Massimo Aufieri, li kien tressa qil-qorti fl-2006 akkużat b’abbuż fuq minuri. Minkejja l-kundizzjonijiet tal-qorti li ma jsifirx, l-akkużat ħarab minn Malta meta kien taħt il-libertà proviżorja. It-Taljan qal fil-qorti li hu irritorna minn Spanja minn jeddu iżda l-pulizija sostnew li kienet il-pulizija li sabitu u ġabitu Malta biex tkompli l-proċeduri kriminali kontrih. L-akkżat qal li kien iddispjaċih ta’ li għamel. Il-Maġistrat Ian Farrugia ordna l-ftuħ tar-Reġistru tal-Qorti u Tribunal Krminali biex il-proċeduri kontra t-Taljan jitkomplew. Minn fuq it-Taljan il-pulizija kkonfiskat il-passaport u karta tal-identità Ċilena.