FINALI TAL-COMMUNITY SHIELD: Arsenal u Chelsea fetħu s-siparju tal-istaġun ġdid tal-Futbol Ingliż bil-finali tal-Community Shield f’Wembley Stadium, li kienet deċiża favur il-Gunners b’gowl mill-isbaħ, skurjat fl-ewwel taqsima minn Alex Oxlade Chamberlain.
Kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għal Arsenal fil-Community Shield, bit-tim ta’ Arsene Wenger jerġa’ jieħu r-raġun bħala l-holders tal-FA Cup, li rebaħ għal dawn l-aħħar sentejn.
Fil-fatt, it-trijonf f’Wembley kien il-ħames wieħed għal Arsenal f’daqstant dehriet f’dan il-ground famuż u l-ewwel suċċess ‘personali’ għall-manager Franċiż, Wenger, fil-konfront tal-manager tal-Blues, Jose Mourinho. Biżżejjed wieħed jgħid li, Wenger ma kien għeleb qatt lil Mourinho fi tlettax il-konfront kompetittiv.
Arsenal kienu temmew l-istaġun li għadda b’20 rebħa minn 27 partita fil-kompetizzjonijiet kollha u jidhru li din id-darba, se jikkontestaw bis-serjetà għall-kampjonat wara li impressjonaw fil-logħbiet ta’ ħbiberija u rebħu żewġ turnaments tas-sajf.
Intant, il-logħba f’Wembley bejn iż-żewġ rivali ta’ Londra kienet kumbattuta mill-bidu sal-aħħar, b’Arsenal, li kienu mingħajr l-attakkant Ċilen, Alexis Sanchez, jiżblukkaw ir-riżultat wara biss 24 minuta meta Oxlade-Chamberlain fajjar xutt minn tarf il-kaxxa li spiċċa fis-saqaf tax-xibka minkejja t-tentattivi tal-gowlkiper Courtois li jsalva.
Il-gowl kien l-ewwel wieħed ta’ Arsenal kontra Chelsea wara 506 minuta logħob, b’din is-sekwenza tmur lura għall-2007.
Ir-reazzjoni ta’ Chelsea kienet fjakka, b’Ramires jixħet barra bir-ras mill-cross ta’ Loic Remy u biċ-Champions tal-Ingilterra jsibuha diffiċli jinfdu d-difiża kompatta ta’ Arsenal immexxija mill-eks-gowlkiper tal-Blues, Petr Cech, li ingħaqad mal-Gunners dan is-sajf.
Fit-tieni taqsima, Chelsea żiedu fl-attakki, bl-aħjar opportunità tiġi f’saqajn Eden Hazard li, waħdu quddiem Cech, spara għoli.
Il-Blues, imbagħad, rebħu freekick f’tarf il-kaxxa wara fawl ta’ Coquelin fuq Matic, b’Cech iwettaq save brillanti fuq ix-xutt insidjuż ta’ Oscar.
Chelsea, li għalihom kien qed jiddebutta l-attakkant Kolombjan Falcao (li s-sena l-oħra kien misluf lil Manchester United), komplew jinsistu u mill-ġdid re;a’ kien Cech li salva d-daqqa ta’ ras ta’ Kurt Zouma.
Arsenal wieġbu b’numru ta’ kontra-attakki perikolużi u fl-aħħar ħinijiet resqu viċin b’żewġ tentattivi tas-sostitut Olivier Giroud, bi Kieran Gibbs ifalli ċans tad-deheb li jirdoppja, fl-88 minuta, wara li żmarkah Santi Cazorla.
Is-suffara finali sabet lil Arsenal jifirħu bl-ewwel unur tal-istaġun u setgħu jiċċeleberaw l-ewwel rebħa fuq Chelsea wara tmien logħbiet. Din ir-rebħa anki tqawwi t-tamiet ta’ Arsene Wenger u l-Gunners li, din id-darba, jisfidaw sew għat-titlu wara li ilhom ma jirbħu l-kampjonat għal ħdax il-sena.
//= $special ?>

