Grupp ta’ studenti minn numru ta’ għaqdiet tal-istudenti, għada mistennija jinġabru flimkien għal attivita’ organizzata mill-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU, fiż-Żonqor.
L-għan ta’ din l-attivita’ hu li titgawda u toħroġ iktar fil-beraħ iż-żona taż-Żonqor, f’Marsaskala, li sfortunatament tista’ tinqered wara li l-gvern għażel dan il-post biex isir zvilupp minn investituri Ġordaniżi.
Minbarra l-KSU, għal din l-attivita’ mistennija jinġabru wkoll xejn inqas minn 27 għaqda studenteska f’attivita’ li fi kliem il-KSU stess għandha mhux biss turi s-sbuħija tal-post imma fuq kollox tfakkar liċ-ċittadini fid-dover li lkoll għandna biex nippreservaw l-ambjent.
L-idea li ż-Żonqor jinqered u jinbidel minn żona ambjentali għal zona ta’ zvilupp kienet qajmet agħa kbir f’pajjiżna, tant li fi kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien irnexxielu jgħaqqad lil Malta kontrih.
Filfatt l-istess kontroversja wasslet għall-ħolqien tal-Front Ħarsien ODŻ li fl-20 ta’ Ġunju li għadda organizza dik li kienet deskritta bħala l-ikbar protesta ambjentali li qatt saret f’Malta.
//= $special ?>