Tiny, il-kelb tar-razza Husky li sfortunatament dalgħodu waqa’ għoli ta’ erba’ sulari minn gallarija fi Triq Santa Venera, fl-Imsida salva wara li ġie operat għal madwar erba’ sigħat minħabba l-ġrieħi serji li ġarrab.

Jirriżulta li l-kelb ixxabbat mill-gallarija u waqa’ għal isfel. Tiny kien miżmum tajjeb u kellu aċċess għall-gallarija fejn ikollu l-ilma u post fejn jagħmel il-bżonnijiet tiegħu. Meta s-sidien ikunu barra, il-kelb kien jitħalla bl-arja kundizzjonata fuq ġewwa.
Uħud li nzertaw fil-post hekk kif seħħ l-inċident, kif ukoll xi residenti, mill-ewwel talbu l-assistenza tal-ambulanza tal-annimali u għamlu minn kollox biex jikkalmaw lill-kelb u jgħinuh sakemm waslu l-uffiċjali. Huma saħansitra għalqu t-triq, ħarġu tinda biex tilqa’ għax-xemx u saħansitra ħadu ħsiebu sakemm ġiet l-ambulanza tal-annimali.
Fil-post wasal ukoll sid il-kelb, li minkejja li kien taħt xokk, għamel minn kollox biex il-kelb jiġi salvat. Fuq gruppi tal-annimali fuq Facebook kienu ħafna dawk li tkellmu dwar l-imħabba speċjali li għandu s-sid lejn Tiny tant li spiss kien jitfa’ ritratti tal-kelb tiegħu, u li skont huma kien irabbieh bħala ibnu.
//= $special ?>

