F’Iżrael hemm għadab kbir wara li fil-ġranet li għaddew tarbija Palestinjana u żagħżugħa Iżraeljana nqatlu f’atti ta’ vjolenza. It-tarbija nqatlet meta d-dar li kienet fiha, fix-Xatt tal-Punent, ingħatat in-nar minn estremisti Lhud, filwaqt li ż-żagħżugħa Iżraeljana mietet wara li kienet attakkata minn fanatiku Lhudi waqt parata tal-Gay Pride f’Ġerusalemm.
Issa l-President Iżraeljan Reuven Rivlin ukoll ilmenta mal-Pulizija wara mewġa ta’ insulti u theddid kontrih fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook wara li kkundanna l-qtil tat-tarbija Palestinjana.
Il-Kabinett Iżraeljan iddeskriva l-attakk f’Duma, nhar il-Ġimgħa, li fih il-ġenituri u tifel ta’ erba’ snin indarbu serjament u jinsabu l-isptar, bħala attakk terroristiku, u Benjamin Netanyahu, il-Prim Ministru, ta l-permess li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa mill-forzi tas-sigurtà biex jinqabdu dawk li huma responsabbli.
Il-każ qanqal ukoll problemi ġodda għal Netanyahu wara li Shimi Tal, iċ-Chairman tal-Partit Likhud fil-belt ta’ Beer Yaakov, talab għall-arrest ta’ Rivlin wara li qed juri solidarjetà mal-familja tal-vittma Palestinjana.
Sadattant, it-Tnejnsar il-funeral ta’ Shira Banki, ta’ 16-il sena, li nhar il-Ħamis kienet attakkata waqt li kienet qed tipparteċipa f’marċ tal-Gay Pride. Magħha ndarbu ħames persuni oħra f’attakk li twettaq minn raġel Lhudi Ortodoss li kien għadu kemm skonta piena l-ħabs għal reat simili.