Fit-tieni jum ta’ kompetizzjoni fil-pixxina waqt is-16-il edizzjoni tal-Kampjonati tad-Dinja tal-Għawm tal-FINA li qed isiru f’Kazan fir-Russja, nkisru tliet rekords tad-dinja.
L-ewwel rekord tal-ġurnata wasal mill-Amerikana Katie Ledecky fl-1,500m freestyle. Hija għamlet ħin ta’ 15:27.71 u tejbet ir-rekord preċedenti tagħha stess(15:28.36) li kienet waqqfet waqt il-kampjonati tal-Pan Pacific fl-Awstralja f’Awwissu tas-sena l-oħra.
Rekord tad-dinja ieħor fit-tieni jum fil-pixxina wasal fil-final tal-100m butterfly mill-Iżvediża Sarah Sjostrom li wkoll kisret ir-rekord tagħha stess mwaqqaf biss 24 siegħa qabel waqt is-semifinali tal-istess kompetizzjoni (55.74 sek). Hija rebħet id-deheb f’55.64 sek, vantaġġ ta’ 1.41 sek fuq id-Daniża Jeanette Ottesen li ħadet il-fidda u ċ-Ċiniża Lu Ying ħadet il-bronż.
It-tielet rekord tad-dinja lbieraħ wasal mill-‘Iron Lady’ Ungeriża, Katinka Hosszu li rebħet id-deheb fil-200m Individual Medley f’ħin ta’ 2 minuti 6.12 sek quddiem il-Ġermaniża Kanako Watanabe. Il-Britannika Siobhan Marie O’Connor ħadet il-bronż. Ir-rekord preċedenti (2:06.15) kien tal-Amerikana Ariana Kukors imwaqaf f’Ruma fl-2009.
Il-Britanniku ta’ 20 sena Adam Peaty kompla bis-sena eċċezzjonali tiegħu hekk kif rebaħ id-deheb fil-100m breraststroke. Huwa ssupera liċ-Champion Olimpiku Cameron van der Burgh tal-Afrika t’Isfel li rebaħ il-fidda waqt li l-konnazzjonal Britanniku Ross Murdoch rebaħ il-bronż.
Matul l-aħħar 12-il xahar Peaty waqqaf rekords tad-dinja fil-50m u l-100m breaststroke waqt il-logħob tal-Commonwealth.
Il-Franċiż Florent Manaudou rebaħ il-50m butterfly f’22.97 sekondi, vantaġġ minimu ta’ 0.12 sek fuq il-Brażiljan Nicholas Santos li ħa l-fidda u 0.18 sek fuq l-Ungeriż Laslzo Cseh u l-Pollakk Konrad Czerniak li t-tnejn rebħu l-bronż b’ħin identiku ta’ 23.15 sek.
Micallef fit-53 post
Intant l-għawwiema Maltija ta’ 17-il sena Amy Micallef ħadet sehem fil-100m breaststroke fejn spiċċat fit-53 post overall fost 70 għawwiema. Micallef li ħadet sehem fit-tieni heat ta’ kwalifikazzjoni minn 7, kellha ħin ta’ minuta 16.02 sekondi wara li kienet għamlet l-ewwel 50 metru f’25.09 sek.
Fil-final tal-cliff diving li se ssir illum minn għoli ta’ 27 metru, l-Britanniku Gary Hunt hu favorit għall-midalja tad-deheb meta jinsab fuq quddiem segwit mill-Amerikan David Colturi.