Il-Blue Flag hi l-aqwa kategorija ta’ livell li bajja tista tikseb u permezz tagħha l-bajja u l-pajjiż ikunu qed itejbu l-prodott turistiku tagħhom. Il-proċess biex l-Għadira saret Blue Flag, kien wiehed twil u rigoruz.
Jirriżulta li fl-aħħar xhur il-Bajja tal-Għadira qed tiffaċċja nuqqas ta’ investiment meħtieġ li qed jipperikola l-Blue Flag li l-Għadira għandha.
Fl-aħħar ġranet partijiet mill-Għadira ma kinux tajbin għall-għawm minħabba problemi ta’ dranaġġ li kien qed ifur fiż-żona. Din il-problema kkawżat inkonvjent għall-għawwiema minħabba l-kwalita tal-baħar. Fl-aħħar snin Malta kisbet ċertifikazzjoni tal-aqwa kwalita’ tal-baħar fil-Mediterran, kwalita’ essenzjali għall-prodott turistiku.
Aspett fundamentali li qed iwassal biex il-Blue Flag tkun perikolata hu l-kwalita’ tar-ramel ta’ partijiet mill-bajja. Jirriżulta li filwaqt li qabel ir-ramel kien jitgħarbel regolarment, issa din il-frekwenza spiċċat, tant li partijiet mir-ramel anki skuraw u tilfu l-kulur mill-isbah li kellhom. Dan minbarra li diversi persuni qed jirrapportaw anki infezzjonijiet minhabba l-kwalita’ inferjuri tar-ramel li sissa hemm f’partijiet mill-Għadira.
Wara li fl-aħħar snin, kien sar investiment biex il-bajja kollha tiddawwal b’fustun, jirriżulta li fl-aħħar snin il-gvern m’għamilx il-manutenzjoni meħtieġa fuq dan il-fustun bil-konsegwenza li f’partijiet kbar mill-Għadira, dan il-fustun ma jaħdimx. Minn tweġiba ghal mistoqsija parlamentari tad-depuat Nazzjonalista Robert Cutajar jirriżulta li n-nefqa fuq it-tiswija meħtiega ta’ dan il-fustun hi ta’ madwar 2000 ewro. Iżda minkejja dan, xorta baqa’ ma sarx.
Inkonvenjent ieħor li qed iseħħ fil-bajja tal-għadira hu l-bins tal-iskart li issa inbidlu minn dawk li kien hemm biex flokhom tpoġġew oħrajn li mhumiex biżżejjed biex jservu l-htiġijiet tal-eluf ta’ Maltin u turisti li jgħażlu l-bajja għall-għawm u l-ħin ta’ rikreazzjoni.
Fl-istess kuntest, jirriżulta wkoll li tneħħiet is-sistema ta’ ġbir kontinwu ta’ skart minn fuq ir-ramel. Fil-passat kien ikun hemm persuni li b’apparat kienu jduru kontinwament il-bajja biex jiġbru l-iskart żgħir li jitħalla b’mod irrepsonsabbli min-nies. Din is-sistema tant tnaqqset li kważi twaqqfet għal kollox u m’għadhiex effettiva.
L-investiment fl-Għadira għandu jkun kontinwu kif kien fil-passat, jekk il-pajjiż irid iżomm din il-bajja bħala waħda mill-aqwa attrazzjonijiet turistiċi li għandu.
//= $special ?>