Wara rapporti ta’ MaltaRightNow.com, il-Pulizija jinvestigaw lil Alexandra Dalmas, magħrufa għal każi t’allegati frodi
Alexandra Dalmas ta’ 47 mir-Rabat qed tkun investigata mill-Pulizija wara numru ta’ rapporti ta’ allegat frodi li wettqet permezz ta’ farmhouse fir-Rabat stess. Alexandra Dalmas, magħrufa fil-qosor bħala ‘Sandra Dalmas’ hija l-istess persuna li fl-2011 instabet ħatja mill-Qorti li żammet għandha kriminal; Joseph Cini magħruf bħala ‘il-Pele’, li miegħu kellha wkoll relazzjoni intima, meta dan kien imfittex mill-Pulizija.
Ritratt fuq: il-farmhouse li biha Alexandra Dalmas allegatament wettqet frodi. Ritratt ta’ ġewwa: il-Pele.
Dalmas kienet qed tirċievi depożiti mingħand persuni li jkunu jridu jikru farmhouse kbira fir-Rabat, imbgħad tinforma lill-klijenti tagħha li l-farmhouse ma tistax tinkera mingħajr ma tirritorna d-depożiti. Dawn ir-rapporti, li uħud minnhom kienu anke żvelati minn MaltaRightNow.com, wasslu biex il-Pulizija bħalissa qed tinvestiga lil Dalmas.
Aqra iżjed: Allegat każ ta’ frodi b’farmhouse fir-Rabat
Kien fis-7 ta’ Lulju li MaltaRightNow.com żvelat każ ta’ allegat frodi wara rapport li kien sar minn grupp ta’ persuni li ħallsu s-somma ta’ 570 ewro għall-użu ta’ din il-farmhouse, liema użu ma kien seħħ qatt. Wara li tħallas id-depożitu kif ukoll is-somma totali għall-kirja, il-grupp irċevew telefonata mingħand Dalmas, tinfurmahom li l-akkomodazzjoni ma kinitx disponibbli.
Dan ma kienx l-uniku każ ta’ allegat ta’ frodi. Wara li MaltaRightNow.com kienet żvela dan il-każ, numru ta’ persuni oħra tkellmu dwar il-mod kif l-istess persuna kienet anke allegatament qarrqet bihom ukoll permezz ta’ din il-farmhouse, li tinsab f’zona fir-Rabat u li għandha veduti mill-isbaħ.
Ritratt: il-farmhouse li biha Alexandra Dalmas allegatament wettqet numru ta’ frodi.
Alexandra Dalmas diġa magħrufa mal-Pulizija
Persuni li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com u li fissru kif allegatament ingidmu minn Alexandra Dalmas, saħqu li wara li kienu jibqgħu jiġru għal flushom, hi kienet tgħidilhom li kellha kont xi tħallas lill-avukat tagħha.
Fl-2011 Alexandra Dalmas kienet instabet ħatja mill-Qorti li laqgħet għandha il-kriminal Joseph Cini, magħruf bħala ‘il-Pele’ u li kien imfittex mill-Pulizija
Minn stħarriġ li għamel dan is-sit, jirriżulta li Dalmas kemm-il darba xelfet difrejha mal-liġi. Fost l-oħrajn, fl-2011 hi kienet tressqet il-Qorti flimkien mas-sieħeb tagħha l-Qorti akkużata b’serq ta’ ġojjellerija, apparat elettronku u oġġetti oħra minn residenza fil-Mellieħa waqt li l-familja residenti f’din id-dar kienet fuq btala.
Is-sieħeb ta’ Alexandra Dalmas, li kien tressaq il-Qorti magħha fuq l-istess każ m’hu ħadd ħlief Joseph Cini, magħruf aħjar bħala ‘il-Pele’. Cini għandu storja twila ta’ kriminalita’ f’Malta. Fl-2008 hu kien diġa weħel sentenza ta’ tlett snin sospiża. Isem il-‘Pele’, madanakollu, kiseb popolarita’ ikbar wara li fl-2011 kien ħarab mill-kustodja tal-Pulizija wara li kien arrestat minħabba każ ta’ serq.
Ritratt: ‘il-Pele’ li kien ħarab mill-kustodja tal-Pulizija.
Fifatt, Cini kien irnexxielu jaħrab minn kamra tal-banju fl-isptar Mater Dei wara li kien ilmenta li kellu uġiegħ f’sidru. Il-Pulizija kienu skortawh għall-isptar Mater Dei minn fejn hu kien ħarab. Il-Pele filfatt kien dam madwar 24 siegħa maħrub sakemm reġa’ nqabad mill-Pulizija.
Madanakollu, dan l-episodju kien wassal ukoll biex Alexandra Dalmas tressqet il-Qorti fit-tieni każ fil-konfront tagħha, din id-darba akkużata li f’Awissu tal-2011 u fil-ġimgħat ta’ qabel laqgħet għandha lil Joseph Cini, li kontra tiegħu kien hemm ordni ta’ arrest għal reat soġġett għal priġunerija.
Aktar dettalji fil-ġurnal In-Nazzjon.
//= $special ?>