Kurżitajiet

Jonfoq €300 fuq l-Internet biex numru ta’ stranġieri fl-Istati Uniti jgawdu pizza b’xejn

Raġel fir-Renju Unit li spiċċa fi stat xurban qed jissejjaħ ‘is-salvatur tal-Internet’ wara li nefaq 300 lira Sterlina online biex jixtri l-pizza għal stranġieri fl-Istati Uniti.

Daniel Sobey-Harker, residenti f’Londra, spiċċa jixtri bi żball il-‘Bitcoins’ diġitali ekwivalenti għal $550 u meta ra x’għamel, qabad u xorob almenu disa’ fliexken tal-birra.

Fil-fatt, hu tant ħassu frustrat bl-iżball li ddeċieda li jonfoq il-parti kbira tal-flus diġitali tiegħu fuq il-pizza.

Sobey-Harker ikkollega mas-sit tal-medja soċjali ‘Reddit’ biex javża l-offerta, iżda minflok ma xtara pizza waħda – skont l-intenzjoni oriġinali – hu spiċċa jixtri xejn anqas minn 30 pizza ‘għan-nies ( fl-Istati Uniti) li ma jafhomx minn Adam’.

Mifhum li anki residenti fil-Hawaii spiċċa jgawdi pizza b’xejn grazzi għal Sobey-Harker li, wara, irċieva numru ta’ emails mingħand in-nies li staqsewh ‘jekk kienx qed iħossu sew’.

Jidher li, issa, anki dan il-Britanniku ġeneruż, li jaħdem bħala marketing officer, qed iħossu xxukkjat għal kemm il-ġest tiegħu qanqal interess online; bl-istorja tal-‘altruwiżmu’ tiegħu tidher ukoll f’sezzjonijiet tal-istampa Britannika.