Internazzjonali

Sħana bla preċedent fil-Lvant Nofsani

Il-Lvant Nofsani qed ikompli jinħakem minn mewġa ta’ sħana bla preċedent li qed teffettwa l-agħar lill-Iran u l-Iraq.
Fl-Iran, il-Heat Stress Index laħaq il-livell ta’ 70 grad Celsius. Dan kien reġistrat f’Bandar Mahshahr. Il-Heat Stress Index jikkalkula mhux biss it-temperatura attwali imma fatturi oħra bħall-umdità u kif din tinħass mill-bniedem.
S’issa r-rekord għall-Heat Stress Index kien reġistrat fit-8 ta’ Lulju tal-2003 fl-Arabja Sawdija, b’81 grad Celsius.
L-esperti qed isostnu li bħalissa l-Lvant Nofsani nqabad f’‘koppla ta’ sħana” u qalu li għad fadal ġimgħa oħra b’din it-temperatura.
Dan hekk kif fl-Ewropa u l-Asja wkoll, diversi pajjiżi qed jinħakmu minn temperaturi għoljin u f’Kalifornja, fl-Istati Uniti, l-istat għaddej minn nixfa kbira.
Dan fl-istess ħin li l-President Amerikan Barack Obama żvela numru ta’ passi biex jikkumbattu l-bdil fil-klima. Obama qal li dan l-isforz hu l-akbar u l-iktar wieħed importanti li qatt sar bl-iskop li jrażżan il-bdil fil-klima.
Skont il-pjan, Obama jrid li l-gassijiet li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent li jiġu prodotti mill-powerstations Amerikani jiġu eliminati għal terz ta’ bħalissa fi żmien 15-il sena. Dan il-pjan se jikkonċentra ħafna fuq l-enerġija alternattiva mix-xemx u r-riħ.
Obama jrid li l-Istati Uniti taqta’ l-użu tal-faħam għall-enerġija imma dan qed iqanqal il-kritika minn ħafna Gvernaturi, l-aktar minħabba l-effett li dan il-pass jista’ jkollu fuq l-impjiegi lokali.