Bejn Jannar u Ġunju 2015, il-Bank Ċentrali ta’ Malta (BĊM) rċieva madwar 2,361 rapport dwar każi ta’ karti foloz tal-ewro. Fi stqarrija, il-BĊM qal li fatt li wassal għaż-żieda fil-qabda ta’ flus foloz kienet il-qabda ta’ 1,075 karta falza tal-ewro f’Mejju li għadda.
Minn dik il-qabda, li saret grazzi għall-ħidma tal-Pulizija, irriżulta li kien hemm 1,055 karta falza tal-€100 u 20 karta falza tal-€50. Il-qabda kienet saret fuq raġel barrani li kien se jitlaq minn Malta, tant li nqabad fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Skont il-BĊM, il-proporzjon ta’ karti foloz tal-ewro f’Malta għadu baxx meta mqabbel ma’ karti foloz tal-flus ċirkolati f’pajjiżi oħra.
L-istqarrija tispjega wkoll li kien hemm żieda fin-numru ta’ karti tal-€100 maqbuda fiċ-ċirkolazzjoni, li issa jirrappreżentaw 51.5% tal-flus foloz kollha maqbuda f’Malta. Il-proporzjon tal-€50 fis-suq Malti għadu baxx ħafna (5.7%), filwaqt li l-proporzjon tal-€20 u tal-€10 naqas meta mqabbel mat-tieni nofs tal-2014.
Il-BĊM jibqa’ jwissi lill-pubbliku biex jibqa’ attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il-karti tal-flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat-test “feel-look-tilt”. Biex wieħed jikseb aktar informazzjoni dwar kif jista’ jiċċekkja li l-flus ma jkunux foloz, jista’ jżur is-sit www.centralbankmalta.org/mt/euro-banknotes-security-features.
Kull min jirċievi jew jissuspetta li għandu f’idejh karta tal-flus falza, għandu jċempel lill-Pulizija fuq 21224001 jew lill-BĊM fuq 25506012/3, inkella jibgħat email lill-Bank fuq nccmt@centralbankmalta.org.
//= $special ?>