Kif ilu jsir mill-2011 meta Gvern Nazzjonalista kien ħabbar ftehim mal-privat biex jitnaqqsu l-waiting lists għall-operazzjonijiet tal-katarretti, issa dan il-Gvern ukoll daħal fi ftehim simili din id-darba biex titnaqqas l-istennija għal operazzjonijiet li jkunu day cases jew li jkollhom bżonn perijodu ta’ mistriħ ta’ lejl wieħed l-isptar. Fi kliem qasir, huma dawk it-tip ta’ operazzjonijiet meqjusa mhux maġġuri.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne ħabbar dan il-ftehim mal-Isptar St James f’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza dalgħodu fil-prezenza tal-Kap Eżekuttiv Interim Albert Micallef.
Fearne qal li l-arranġament ma’ dan l-isptar privat diga’ beda wara sejħa għall-interess li inħarġet mill-Gvern. B’dan il-ftehim, il-Gvern se jkun kera 130 sessjoni għall-operazzjonijiet fit-teatri ta’ dan l-isptar.
Mistoqsi kemm se jdum dan l-arranħament, Fearne qal li huwa maħsub li jkun mifrux fuq sena. Fl-istess waqt, iżda, ma weġibx il-mistoqsijiet ta’ dan il-ġurnal dwar kemm se jiġi jiswa’ dan l-arranġament. Is-Segretarju Parlamentari sostna li din hija materja “ta’ natura kummerċjali”.
Kif kien isir fi żmien Gvern Nazzjonalista, il-pazjenti mhu se jħallsu xejn għal dawn l-operazzjonijiet fil-privat. Chris Fearne spjega wkoll li l-kirurgi tal-Gvern li se jagħmlu dawn l-operazzjonijiet se jkunu qed jagħtu l-ġurnata xogħol tagħhom f’St James, filwaqt li l-istaff se jkun tal-istess sptar privat.
Sadanittant, fi stqarrija, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Cluadette Buttigieg fakkret li kien il-Gvern preżenti li ma ġeddidx dan il-ftehim mal-Privat biex issa, wara kważi tliet snin ta’ ħela ta’ ħin, stenbaħ u nduna li fil-fatt il-pjan tal-Gvern Nazzjonalista kien tajjeb. Claudette Buttigieg qalet li l-Gvern issa se jkollu jerġa’ jibda jħaddem dan il-ftehim biex jagħmel operazzjonijiet fil-Privat.
//= $special ?>