Internazzjonali

Filmat: Saadi Gaddafi jissawwat fil-Ħabs fejn qed jinżamm

Filmat li xxandar fl-aħħar sigħat fuq l-internet juri lil Saadi Gaddafi, wieħed minn ulied l-eks dittatur Libjan Muammar Gaddafi, jissawwat minn Uffiċjali tal-Ħabs Militari ta’ Bnigazi, fejn bħalissa qed jinsab arrestat.

Saadi ilu jinżamm f’dan il-Ħabs, fil-Lvant tal-Libja, mill-2014 sara li l-awtoritajiet tan-Niger aċċettaw li jestradixxuh lejn il-Libja. Hu għadu qed jistenna li jingħadda ġuri, hekk kif il-ġimgħa li għaddiet ħuh Saif al-Islam ingħata s-sentenza tal-mewt fi tmiem ġuri.

Fil-filmat, l-Uffiċjali tal-Ħabs jidhru wkoll isawtu persuna oħra f’kamra differenti, b’rapporti jgħidu li l-persuna l-oħra kien wieħed mill-bodyguards ta’ Saadi.

Minkejja li l-filmat ixxandar ftit tas-sigħat ilu, mhux ċar meta ttieħed. Fih, iben l-eks dittatur Libjan jidher jaqla’ daqqiet fil-qigħ ta’ saqajh, li hu kastig fiżiku regolari f’pajjiżi tal-Lvant Nofsani.

Wieħed mill-Uffiċjali tal-Ħabs jidher ukoll jagħti bil-ħarta f’wiċċ u f’għonq Saadi waqt li beda jargumenta miegħu.

Il-filmat imxandar fuq l-internet ġibed il-kundanna ta’ għaqdiet internazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem. Fost oħrajn, il-Human Rights Watch appella lill-awtoritajiet Libjan jinvestiga l-każ.