Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jiftaħ kawża oħra ta’ libell kontra l-Orizzont

Michael Falzon juża lil Gaffarena bħala t-tarka tiegħu

Illum il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fetaħ kawża oħra ta’ libell kontra l-gazzetta tal-GWU, L-Orizzont.

Dan huwa l-ħames libell f’jumejn li Dr Simon Busuttil fetaħ biex jiġġieled storja għal kollox ivvintata li hu b’xi mod irrikatta lill-familja Gaffarena.

Dr Busuttil qal li fil-paniku tiegħu li jaħrab mir-responsabbilità li għandu jġorr, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon spicca juża lill-familja Gaffarena bħala t-tarka tiegħu.

Simon Busuttil ċaħad bl-aktar mod kategoriku l-allegazzjonijiet giddieba fil-gazzetti tal-General Workers Union u m’għandu l-ebda dubju li l-verità se toħrog fil-Qorti. Għalhekk qal li qed jiftaħ kawża oħra ta’ libell oħra.

Huwa żied jgħid li sakemm issir ġustizzja fil-Qorti, iħalli f’idejn in-nies jiġġudikaw lil min jemmnu bejnu u bejn xi ħadd bħal Gaffarena li ħaxxen bwietu mal-Gvern Laburista.”

Simon Busuttil fakakr li Gaffarena mar għand il-Partit Laburista proprju għaliex hu kelli l-kuraġġ jgħidlu le meta mar għandu jitlob permess għall-pompa tal-petrol li bena llegalment. Għall-kuntrarju l-Partit Laburista, għax bla sinsla u bla prinċipji, tah dak li ried u aktar.

“Il-Gvern Laburista ta lil Gaffarena permess għal pompa tal-petrol illegali u tah ukoll miljuni ta’ ewro għal nofs dar fil-Belt. Allura ma setax jonqos li Gaffarena issa jħallas lura lil Michael Falzon billi jintuża sabiex jivvintaw gidba ħoxna dwari.” tenna Simon Busuttil.

“Jekk Michael Fazlon jaħseb li b’daqshekk il-poplu se jinsa l-iskandli tiegħu qed jgħarralu. L-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li Michael Falzon jerfa r-responsabbilità għal dak li għamel. L-Oppożizzjoni se tibqa’ tiggieled din il-korruzzjoni istituzzjonalizzata tal-Gvern Laburista u taħdem biex tnaddaf il-politika f’pajjiżna” temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.