Fl-aħħar jiem kompla jiġi rrappurtat tnaqqis rekord fil-prezz taż-żejt fis-swieq internazzjonli. Għal darb’oħra fi ftit xhur, il-prezz taż-żejt reġa’ niżel taħt il-$50 kull barmil, bil-prezzijiet taż-żejt illum huma fost l-orħos għal dawn l-aħħar snin. Għalhekk, il-poplu Malti u Għawdxi għandu wkoll jibbenifika minn dan permezz ta’ traħħis konkret fil-prezzijiet tal-petrol u diesel.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Marthese Portelli, li fiha fakkar kif meta barmil żejt (prezz brent) kien jiswa $123 kull barmil, l-unleaded petrol f’Malta kien jiswa €1.38 kull litru u d-diesel kien jiswa €1.31 kull litru.
Illum, bil-prezz taż-żejt jinżel għal taħt il-$50 kull barmil (prezz brent), l-unleaded petrol f’Malta jiswa €1.35 kull litru u d-diesel jiswa €1.26 kull litru. Il-Partit Nazzjonalista qal li dan juri biċ-ċar is-serq sfaċċat li l-Gvern ta’ Muscat qed jagħmel minn fuq dahar il-poplu Malti, filwaqt li jikkonferma wkoll li t-traħħis tal-gass kien sempliċiment bżar fl-għajnejn.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li llum, il-poplu Malti mhux biss qed iħallas prezz ogħla minn pajjiżi Ewropej oħrajn għall-petrol u d-diesel, iżda qed juża’ aktar għax qed ikollu jqatta’ ħinijiet itwal bil-magna tal-karozza mixgħula minħabba li t-traffiku żdied drastikament.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif filwaqt li l-prezz taż-żejt nieżel sew, il-poplu Malti u Għawdxi għadu sal-lum iħallas prezzijiet fost l-ogħla fl-Ewropa għall-fuels. Fl-istess waqt, pajjiżna qiegħed ukoll ikompli jitlef il-flus grazzi għall-politika żbaljata tal-Gvern Laburista fis-settur tal-enerġija, fost oħrajn bil-bini tas-suppost Power Station ġdida, li sal-lum għadha inviżibbli, u t-telf ta’ €14m bil-hedging żbaljat li sar bl-indħil tal-Ministru Konrad Mizzi mal-kumpanija Socar tal-Ażerbajġan, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>