Lokali

It-tfajjel ta’ 18-il sena, għadu jidher bħala Direttur

F’Ġunju li għadda sar magħruf li l-Gvern waqqaf kumpanija li ġġib l-isem ta’ Fort Security Services Ltd. Din il-kumpanija twaqqfet propjament fl-20 ta’ April li għadda iżda l-iktar li qajjem tħassib kienet il-ħatra ta’ Karl Cutajar bħala direttur.
Cutajar, li għandu biss 18-il sena, jiġi n-neputi taċ-Chief of Staff tal-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona, Mario Azzopardi.
Minbarra li kien maħtur direttur, Karl Cutajar jidher ukoll bħala azzjonist mal-Gvern f’din il-kumpanija kif ukoll rappreżentant legali u ġuridiku ta’ Fort Security Services.

Din il-ħatra qanqlet reazzjoni pubblika qawwija, kemm minħabba l-mod kif saret il-ħatra, kif ukoll l-eta’ żgħira li turi nuqqas ta’ esperjenza, kwalifiki u għarfien ta’ x’tip ta’ obbligi u responsabbiltajiet li l-liġi timponi fuq direttur ta’ kumpanija.

Fil-fatt ftit jiem wara, waqt is-seduta Parlamentari tat-30 ta’ Ġunju li għadda, il-Ministru Chris Cardona qal li Karl Cutajar irriżenja mill-ħatra “minħabba vittimizzazzjoni politika.”

Iżda ħarsa lejn ir-reġistru tal-kumpaniji mħaddem mill-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), turi li Karl Cutajar għadu mniżżel bħala direttur ta’ Fort Security Services Ltd. Kif juru dawn ir-ritratti meħuda mis-ist tal-MFSA ilbieraħ 3 ta’ Awwissu, ma kien hemm ebda bidla fl-istruttura ta’ din il-kumpanija li fiha Karl Cutajar mhux biss għadu jidher bħala direttur iżda wkoll bħala azzjonist u rappreżentant legali u ġuridiku.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li dan ifisser żewġ possibiltajiet differenti. L-ewwel possibilta’ hi li l-Ministru Chris Cardona gideb u żvijja lill-Parlament meta qal li Cutajar irriżenja meta fil-fatt ma rriżenja xejn.

It-tieni possibilita’ hi li Karl Cutajar verament irriżenja u r-Reġistratur tal-Kumpaniji ma kienx infurmat kif titlob il-liġi. Jekk dan hu l-kaz, dan ifisser ksur tal-Liġi tal-Kumpaniji li tesiġi li kwalunkwe bidla fl-istruttura ta’ kumpanija trid tkun komunikata lir-Reġistratur tal-Kumpaniji sa mhux iktar tard minn 14-il ġurnata minn meta tkun daħlet fis-seħħ il-bidla.