Internazzjonali

Jinqatlu fi sparatura ġo nightclub ta’ Toronto

Fil-Kanada mietu talanqas żewġ persuni waqt sparatura li bdiet ġo nightclub ta’ Toronto u kompliet għaddejja fit-toroq, fiz-zona tal-Canada National Exhibition.

L-isparatura, li fiha indarbu numru ta’ nies, seħħet fis-sigħat bikrin tat-Tlieta, bil-Pulizija jwieġbu għas-sejħa tal-emerġenza u jiġru lejn l-inħawi tal-‘Muzik nightclub’ fejn seħħ l-inċident.

Il-mejtin kienu mfissra bħala raġel u mara li ma kellhomx aktar minn tletin sena. Ir-rapporti qalu, intant, li l-midruba fl-isparatura ttieħdu l-isptar għall-kura.

Ħadd ma jaf x’wassal għall-isparar u waqt li ma ssemma xejn dwar suspettati potenzjali lanqas ma ħarġet informazzjoni dwar xi arresti. Mifhum li jista’ anki hemm vittmi oħra tal-isparatura ‘f’numru ta’ lokalitajiet’, bil-pulizija qed tħeġġeġ liċ-ċittadini biex tikkuntattjahom b’aktar informazzjoni.