L-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit u l-eks Aġent Kummissarju Ray Zammit, li meta kienu fit-tmexxija tal-Korp ħolqu diversi kontroversji kbar b’deċiżjonijiet li ħadu, sal-lum għadhom igawdu l-istess salarji u perkaċċi li kellhom meta kienu għadhom fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija, minkejja li issa t-tnejn li huma m’għadhomx jagħmlu parti mill-Korp.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami għamel diversi Mistoqsijiet Parlamenatri lill-Ministru Carmelo Abela, fejn staqsieh jekk hux minnu li Peter Paul u Ray Zammit għadhom qed jużaw il-karozza tal-Korp, kif ukoll jekk hux minnu li dawn għandhom Pulizija assenjat magħhom bħala x-xufier tagħhom.
Staqsieh ukoll jekk hux minnu li dawn iż-żewġ Pulizija assenjati qed jitħallsu mill-Korp tal-Pulizija minkejja li dawn mhux qed jagħmlu xogħol ta’ Pulizija, iżda xogħol ta’ xufiera. Talab ukoll lill-Ministru jgħid jekk hux minnu li minkejja li dawn iż-żewġ persuni rtiraw mill-Korp, dawn xorta għadhom qed jieħdu l-fuel mill-Garaxx tal-Pulizja għall-vetturi li qed jużaw.
Fir-risposta tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela kkonferma li kemm Peter Paul Zammit kif ukoll Ray Zammit għadhom qed jagħmlu użu minn Pulizija bħala x-xufiera tagħhom. Ikkonferma wkoll li Ray Zammit għadu qed jagħmel użu minn karozza tal-Korp, filwaqt li Peter Paul Zammit mhux qed juża’ karozza tal-Korp. Fl-istess waqt, iż-żewġ Pulizija assenjati ma’ Peter Paul u Ray Zammit qed jitħallsu mil-vot tas-salarji tal-Korp tal-Pulizija, filwaqt li l-karozza ta’ Ray Zammit qed tieħu l-fuel li jkun hemm bżonn mill-Garaxx tal-Pulizija.
Dan jispikka bil-kbir mal-Inkjesta tal-Imħallef Michael Mallia, li ġiet ippubblikata l-ġimgħa li għaddiet u fejn irriżulta li Ray Zammit kiser ir-regolamenti tal-Pulizija. Minkejja dan, il-Gvern qed jibqa’ jiddifendieh u se jħallih fil-karigi li għandu bħala Kap tal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali u anke Aġent Direttur tal-Ħabs.