Lokali

Filmat: L-għaqdiet tal-Gudja jikkundannaw qtugħ ta’ siġar f’għalqa

Jinsistu dwar id-drittijiet li għandhom huma fuq l-art konċernata

Wara l-istorja ppubblikata fuq MaltaRightNow.com b’rabta ma’ siġar li tqaċċtu minn għalqa fil-Gudja, l-istess għalqa minn fejn jittella’ n-nar għall-festi ċċelebrati f’din il-lokalita’, l-għaqdiet kollha tal-Gudja iddisassoċjaw ruħhom minn dan l-att vandalu u saħqu li għandhom jittieħdu passi kontra minn wettaq dan l-att.

Ma’ MaltaRightNow.com tkellmu r-rappreżentanti tal-każini u s-soċjetajiet, kif ukoll ir-rappreżentat tal-Paroċċa u l-Arcipriet Clayton Abdilla li kkundanna l-att vandalu fl-għalqa kkonċernata. L-istess ħsieb kien ukoll espress minn Michel Mifsud mis-Soċjeta’ Filarmonika La Stella, li żied li tensjonijiet bħal dawn qed jimminaw il-paċi fir-raħal.

Dwar l-att vandalu fejn tqaċċtu siġar mill-għalqa minn fejn jittella’ n-nar, filwaqt li kkundanna dan l-aġir bla ebda riservi, Michel Mifsud qal li s-sit hu mgħammar b’kameras tas-sigurta’ li għandhom jiġu mgħoddija lill-awtoritajiet, biex min hu responsabbli jħallas ta’ għemilu.

Michel Mifsud żied jiċċara li minkejja dan l-inċident, għal dawn l-aħħar sentejn kien hemm numru ta’ ostakli u kwistjonijiet b’rabta ma’ din l-art, li bil-liġi, hi l-art minn fejn għandu jittella’ n-nar. Għal din ir-raġuni, l-għaqdiet tal-Gudja għandhom id-dritt bil-liġi li jużaw din l-art għal tlett xhur sħaħ tas-sena. Kundizzjoni anke’ kuntrattwali li l-kerrej tal-għalqa hu marbut biha.

Fl-istqarrija tagħhom, l-għaqdiet qalu li l-kerrej ma jridx josserva l-kundizzjonijiet imposti mid-Dipartiment tal-Artijiet fi żmien il-festi fil-Gudja – jiġifieri f’Awissu, Settembru u Ottubru.

Omar Xuereb, mill-għaqda Mużikali Marija Assunta, jgħid li l-poplu Gudjan jinsab wara l-għaqdiet kollha tar-raħal.

Intant, se tkun qed issir petizzjoni konġunta biex id-dritt miksub mill-għaqdiet u s-soċjetajiet b’rabta ma’ din l-art – dritt mogħti mid-Dipartiment tal-Artijiet taħt gvern Nazzjonalista u speċifikament mill-Ministru Jason Azzopardi – ikun jista’ jigi eżercitat mingħajr aktar tfixkil u perikli żejda – iżda b’serħan il-moħħ għall-voluntiera Gudjani.