Internazzjonali

Linji tal-ajru jirrifjutaw li jġorru fdalijiet ta’ annimali slavaġ

Tliet linji tal-ajru Amerikani mhumiex se jaċċettaw li l-fdalijiet ta’ annimali slavaġ li jispiċċaw ‘trofej tal-kaċċaturi’ jkomplu jittellgħu fuq l-ajruplani tagħhom.

Id-deċiżjoni ta’ Delta Airlines, United Airlines u American Airlines ittieħdet fost il-kontroversja li għadha tbaqbaq dwar il-qtil, jiem ilu, ta’ ljun protett li kien jismu Cecil, minn kaċċatur Amerikan fiż-Żimbabwe.

Intant, dawn il-linji ħabbru li t-titjiriet tagħhom, minn issa ’l quddiem, mhumiex se jgħabbu aktar fdalijiet ta’ ljuni, rinoċerontijiet, leopardi, iljunfanti u bufli.

Madankollu, l-istess linji tal-ajru ma tawx raġunijiet uffiċjali għal din l-aħbar.

Delta Airlines topera titjiriet diretti għal diversi bliet Afrikani u kienet suġġetta għal petizzjoni fuq l-internet biex tipprojbixxi kunsinni tal-fdalijiet ta’ annimali maqtula. Intant, kelliema għal Delta Airlines ma weġbux mistoqsijiet tal-ġurnalisti rigward ir-raġuni wara d-deċiżjoni tal-kumpanija tal-ajru. Huma lanqas ma ddettaljaw l-ammont ta’ ‘trofej tal-kaċċa’ li l-linja tal-ajru ttrasportat fis-snin reċenti.