Internazzjonali

Tarbija salvata minn pajp tat-toilet

Il-pulizija fiċ-Ċina rnexxielhom isalvaw tarbija li kienet għadha kemm titwieled u li nstabet imwaħħla wiċċha ‘l isfel ġo pajp ta’ toilet pubbliku fil-belt ta’ Beijing.

It-tarbija – tifla – iddaħħlet tiġri l-isptar (f’Beijing) bl-aħħar rapporti jfissruha bħala stabbli. Mifhum li l-pulizija, fil-preżent, qed jippruvaw jidentifikaw il-ġenituri tat-tarbija.

Skont ir-rapporti, il-pulizija kienu marru fl-inħawi tat-toilet pubbliku wara li daħlulhom rapporti dwar ‘tarbija li kienet qed tibki’. Meta, imbagħad, bdew l-investigazzjonijiet il-pulizija ma damux biex jaraw saqajn it-tarbija fil-pajp tat-toilet u fejn kienu pronti li jtellgħuha.

L-ommijiet Ċiniżi li m’humiex miżżewwġin huma magħrufa li jabbandunaw it-trabi li jistgħu jwelldu minħabba l-istigma (fiċ-Ċina) assoċjata mat-twelid li jsir barra ż-żwieġ.