Lokali

“Xbajt u ddejjaqt niġġieled minħabba sistema falluta” – studenta ta’ 17-il sena

“S’issa ċempiltilhom aktar minn 30 darba”

Żagħżugħa ta’ 17-il sena li ilha ġimgħat sħaħ bit-tallinja card ma taħdimx, esprimiet ir-rabja tagħha ma’ MaltaRightNow.com dwar kif s’issa ċemplet aktar minn 30 darba u kellha tmur darbtejn il-kjosk tal-Malta Public Transport il-Belt għalxejn.

Iż-żagħżugħha spjegat li kienet irċeviet il-card madanakollu din qatt ma ħadmet. Wara ġimgħatejn tingħata cards temporanji, l-impjegati tal-Malta Public Transport qalulha li ma kinitx se tingħata rifużjoni għal biljetti u l-cards temporanji li kellha tuża.

Kjarament irrabjata, it-tfajla qaltilna: “Xbajt u ddejjaqt nistenna u niġġieled mal-impjegati sempliċiment biex ituni card li taħdem. Għandi 17-il sena, bla xogħol u l-familja tiegħi mhijiex sinjura, ma nistax nibqa’ nonfoq dawn il-flejjes kollha minħabba sistema falluta.”

Hi fissret li apparti l-biljetti u l-cards temporanji li nefqet, kienet ħallset ukoll €20 għall-card oriġinali, li ma ħadmet qatt. It-tfajla fissret li l-fatt li kellha tonfoq dawn il-flejjes kollha fit-trasport pubbliku hu “redikolu u inġust”.