Lokali

Żewġ barranin arrestati mill-bajja ta’ San Ġorġ fuq serq

Żewġt irġiel Libjani nqabdu fil-pussess ta’ diversi oġġetti, fosthom flus kontanti ta’ denominazzjonijiet varji, wara numru ta’ rapporti ta’ serq mix-Xatt ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan.

Il-każ seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tat-tlieta u kwart, meta l-Għassa ta’ San Ġiljan kienet infurmata b’numru ta’ barranin li kienu qed jisirqu minn fuq il-bajja. Għalhekk, intalbet l-assistenza tar-Rapid Intervention Unit u minnufih saret tfittxija fl-akwata.

Kien biss ftit tal-ħin wara li ż-żewġt irġiel imsemmija kienu nnutati bilqegħda fuq ir-ramel ħdejn beritta bajda b’xi oġġetti fiha. Kif kienu avviċinati mill-pulizija, l-aġir tagħhom minnufih qanqal suspett. Sadattant, mara li kienet fl-akwata avviċinat lill-uffiċjali u qaltilhom li l-mobile fl-istess beritta kien tagħha.

Għalhekk, l-irġiel kienu arrestati u l-affarijiet li nstabu fil-pussess tagħhom kienu miżmuma għal aktar stħarriġ.