Botta u risposta bejn il-UĦM u l-MEA
Fis-sigħat li għaddew, it-Taqsima Manifattura u Kummerċ tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) kitbet uffiċjalment lill-kumpanija De La Rue minħabba li numru ta’ ħaddiema allegatament ġew żgwidati mill-Management. Dan hekk kif il-Management tal-kumpanija avviċina lill-ħaddiema biex jiffirmaw dokument li kien jinkludi bidliet fil-Job Description, bl-iskuża li dan hu sempliċement rassenja.
Fi stqarrija, il-UĦM qalet li pprotestat mal-Management tad-De La Rue dwar dan l-aġir, filwaqt li nsistiet li d-dokumenti għandhom jingħataw lura lill-ħaddiema li ffirmawhom.
Sadanittant, il-UĦM kitbet ukoll lill-Management tad-De La Rue dwar diversi lmenti oħra mill-ħaddiema, li qed jilmentaw minn sħana esaġerata fil-Canteen u f’partijiet oħrajn tal-fabbrika fejn ikunu qed jaħdmu. Dan minħabba l-fatt li s-sistema tal-arja kundizzjonata ilha bil-ħsara għal ammont ta’ żmien u għadha ma ġietx imsewwija.
Il-UĦM qalet li s-sitwazzjoni tkompli tiggrava minħabba li l-ħaddiema qed jiġu mitluba jilbsu uniformi tax-Xitwa minflok ma jkollhom uniformi adattata għas-sħana tas-Sajf. Filwaqt li ħeġġet lill-GWU biex tieħu responsabbiltà u taġixxi ħalli tissalvagwardja l-interessi tal-ħaddiema tad-De La Rue, il-UĦM qalet li fin-nuqqas ta’ dan, mhux se tistenna li l-GWU tibda taħdem favur il-ħaddiema tad-De La Rue u se tibqa’ tkun il-vuċi ta’ dawn il-ħaddiema.
Dan minkejja li sal-lum, il-UĦM mhijiex rikonoxxuta f’din il-kumpanija.
Aktar kmieni …
Il-piki bejn il-unions jimminaw ir-relazzjonijiet industrijali – MEA
L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li s-sitwazzjoni fil-kumpanija De La Rue hi każ ieħor li fih ir-rivalità bejn il-unions qed ittellef l-istabbiltà industrijali f’kumpanija ewlenija Maltija.
Fi stqarrija, l-MEA qalet li din is-sitwazzjoni ma tagħmilx ġid, la lill-kumpanija u wisq anqas lill-ħaddiema. L-MEA fakkret li l-Management hu marbut li jiddiskuti biss mal-union li jkollha l-għarfien uffiċjali minn maġġoranza tal-membri tagħha.
Risposta mill-UĦM:
Dwar l-istqarrija tal-MEA, il-UĦM qalet li l-fatti li semmiet qed jiġru verament fid-De La Rue. Filwaqt li appellat biex dawn jiġu indirizzati minnufih, il-UĦM qalet li minflok ma tikkritika union oħra, kienet tistenna li l-MEA tikkundanna l-fatt li l-kumpanija ma aġixxiet b’mod etiku mal-ħaddiema tagħha.
Il-UĦM qalet li ma tista’ taċċetta qatt li ħaddiema jiġu żgwidati mill-Management tagħhom u mġiegħla jiffirmaw dokument li jinkludi Job Descriptions, bi skuża li dan hu sempliċement rassenja. Min-naħa l-oħra, il-UĦM sostniet li tippretendi li l-MEA għandha tiggwida lill-membru tagħha (id-De La Rue) biex dawn il-formoli jingħataw lura lill-ħaddiema li ġew imġiegħla jiffirmawhom.
//= $special ?>