Internazzjonali

Aktar minn 600 immigrant fuq dgħajsa li nqalbet fil-Mediterran

Ritratt : Mill-arkivji

Ħidma kbira tas-salvataġġ bejn Malta u l-Libja wara li lanċa mimlija immigranti nqalbet. S’issa kien konfermat li 25 persuna tilfu ħajjiethom.

Dan filwaqt li huma tal-anqas 300 l-immigranti li kienu salvati hekk kif bastimenti tal-gwerra Taljani u Irlandiżi, imma wkoll ċivili, nġabru fiż-żona biex jgħinu fis-salvataġġ.

Il-lanċa nqalbet wara li l-immigranti ġrew fuq naħa waħda tal-lanċa hekk kif raw vapur jersaq viċin tagħhom. Skont l-ewwel rapporti jidher li abbord il-lanċa kien hemm madwar 700 immigrant.

Dan fl-isfond tal-aħħar aħbar mill-Frontex li ħabbret li fil-ġranet li ġejjin se tibda tagħmel użu minn ajruplani privati li se jibdew jinkrew minnha. Dan peress li din l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea m’għandiex risorsi biżżejjed biex tlaħħaq mal-kriżi preżenti fil-Mediterran.