Lokali Saħħa

Fil-Mater Dei…kriżi bla preċedent

Sitwazzjoni bla preċedent fil-Mater Dei hekk kif l-MUMN fi stqarrija appellat lis-Segretarju Permanenti fid-Diviżjoni tas-Saħħa Joe Rapa sabiex tittieħed azzjoni immedjata. Bħalissa, il-kurituri tal-isptar huma mimlija pazjenti, l-Emerġenza ippakjata, id-Day Care f’sitwazzjoni prekarja, u f’xi każi qed ikun hemm infermiera waħda li tieħu ħsieb 24 pazjent.

Fl-istqarrija mill-President tal-MUMN Maria Cutajar intqal li il-kriżi fil-Mater Dei qed twassal għal standards baxxi fis-servizz mogħti, u l-impjegati qed jaħdmu f’ambjent perikoluż.

L-MUMN għamlitha ċara li jekk din is-sitwazzjoni fil-Mater Dei tippersisti se tkun qed tikkunsidra miżuri li tista’ tieħu biex tissalvagwardja l-interessi tal-infermiera u l-qwiebel.

L-MUMN spjegat li l-ikbar problema li hemm bħalissa l-isptar ġejja minħabba anzjani li qed jokkupaw sodod għal perijodu twil. Dawn, tgħid l-istqarrija, faċilment jistgħu jiġu trasferiti f’residenzi privati jekk il-Gvern jaħdem fuq xi forma ta’ ftehim. Jekk dan isir, is-sodod ikunu qed jiġu rilaxxati u b’hekk aktar pazjenti jkollhom fejn jingħataw kura f’ambjent dinjituż u mhux f’kuridur.