Skiet li jtarrax mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li qed imexxi Kabinett mifni b’diversi skandli.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ġimgħa wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Imħallef Michael Mallia dwar il-Familji Zammit u Gaffarena, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami qal li aghar minhekk, Muscat ordna lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u lill-Ministru tal-Intern Carmelo Abela biex ma jieħdux passi kontra l-Familja Zammit.
Beppe Fenech Adami kompla li minflok ma jieħdu azzjoni u jispjegaw x’hemm moħbi, il-magna tal-Partit Laburista qed tivvinta stejjer biex tgħatti l-fatt li Mark Gaffarena hu ħabib intimu tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon u għamlu miljunarju. Qal ukoll li wara li hedded li jiftaħ diversi libelli kontra politiċi u ġurnalisti, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon donnu sparixxa.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li d-differenza bejn iż-żewġ partiti toħroġ b’mod ċar. Filwaqt li mal-Partit Nazzjonalista, Gaffarena daħal u ħareġ b’idu vojta, mal-Partit Laburista u ma’ Michael Falzon, Gaffarena ħareġ b’permess ta’ petrol station mibnija illegalment u deals jintnu li għamluh miljunarju.
Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi staqsa għaliex il-Familja Zammit saret waħda “untouchable”. Staqsa wkoll x’awtorità morali jista’ jkollu Ray Zammit bħala Aġent Direttur tal-Ħabs u Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali, meta l-imġieba tiegħu ġiet iċċensurata għal darba darbtejn f’temp ta’ ftit xhur.
Jason Azzopardi fakkar ukoll fl-istorja ppubblikata minn MaltaToday, li qalet li l-eks Spettur Daniel u l-Ispettur Roderick, aħwa Zammit, kienu trasferiti fl-istess Skwadra ta’ Kontra r-Reati Ekonomiċi fl-istess ġurnata wara pressjoni politiċi. Aħbar li sal-lum l-ebda Kelliem tal-Gvern għadu ma ċaħad.
//= $special ?>

