Internazzjonali

Ikompli t-tħassib dwar il-ħlejjaq li deħlin mill-Kanal ta’ Suez

Esperti Torok ingħaqdu ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra fil-Mediterran beix jesprimu t-tħassib tagħhom għar-riskji li hemm issa li l-Kanal ta’ Suez tkabbar.
Diġà ħawn diversi ħlejjaq li daħlu fil-Mediterran mill-Kanal ta’ Suez tul l-għexieren ta’ snin li ilu jintuża, imma hemm tħassib li issa li tkabbar, il-problema se tikber.
It-Turkish Marine Research Foundation, organizzazzjoni mhux governattiva Torka, qed issostni li se jkun hawn “invażjoni bijoloġika” ta’ ħlejjaq mill-Oċean Indjan u l-Baħar l-Aħmar fil-Mediterran, issa li tkabbar il-Kanal ta’ Suez.
Il-Professur Bayram Ozturk qal li t-tkabbir li sar ta’ 72 kilometru tul u b’fond ta’ 30 metru, se jwassal għal ħsara bla preċedent fil-Mediterran. Hu qal li diġà mill-Kanal ta’ Suez daħlu 350 speċi ġdida, minn ħut għal bram, li qed jeffettwaw il-ħlejjaq li kienu tal-Mediterran. Fost dawn hemm ukoll ħlejjaq velenużi.
F’dawn l-aħħar ġranet fil-media Taljana saret twissija li fil-Mediterran se jkun hawn invażjoni ta’ bram mill-Baħar l-Aħmar li tinġiża tagħhom tweġġa’ ħafna, ir. Din il-brama tista’ tikber sa aktar minn għaxar kilogrammi.
Ozturk qal li din il-brama diġà saret komuni fil-Lvant tal-Mediterran u apparti t-theddida għall-għawwiema, qed tagħmel ħsara lix-xbieki tas-sajjieda u fl-impjanti li jippumpjaw l-ilma mill-baħar.
Ix-xjenzjati diġà talbu lin-Nazzjonijiet Uniti biex tagħmel pressjoni fuq l-Eġittu biex jieħu passi ħalli jrażżan l-impatt ambjentali fil-Mediterran mit-tkabbir tal-Kanal ta’ Suez.