Internazzjonali

Il-Papa dwar it-tfal, id-divorzju u l-Knisja

epa04872618 Pope Francis (R) greets newly-wed couples during the weekly general audience in the Vatican, Vatican City, 05 August 2015. EPA/ALESSANDRO DI MEO

Il-Papa Franġisku reġa’ tkellem dwar dawk li jkunu separaw jew li jkunu ddivorzjaw u l-bżonn li ma jitwarrbux mill-Knisja.
Dan għaliex ta’ spiss dawn in-nies li ż-żwieġ tagħhom ikun falla jitqiesu bħala skomunikati minn xi membri tal-Knisja. Hu qal dan quddiem folla ta’ madwar 7,000 persuna waqt l-udjenza generali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa. Din kienet l-ewwel waħda wara l-btala tas-sajf u għaliha attendew eluf ta’ abbatini minn madwar id-dinja.
Il-Papa qal li meta dawn jitwarrbu mill-Knisja jkun qed jiżdied piż lit-tfal tagħhom ukoll li diġà jkunu għaddejjin minn trawma kbira minħabba t-tmiem taż-żwieġ tal-ġenituri tagħhom.
Hu qal li dawn in-nies qatt m’għandhom ikunu stmati bħala nies skomunikati mill-Knisja għaliex ma humiex hekk.
Il-Papa żied jistaqsi kif jista’ wieħed iħeġġeġ lil ġenituri divorzjati jrawmu lit-tfal b’valuri Nsara meta dawn l-istess ġenituri jkunu qed jitwarrbu minn xi membri tal-Knisja. Hu qal li kien importanti li dawn jaraw il-Knisja bħala post ta’ wens għal dak li ġralhom u qed jiġrilhom f’ħajjithom u mhux post li jwarrabhom.
U għal darb’oħra hu ħeġġeġ li l-Knisja għandha tkun waħda li żżomm il-bibien miftuħin għal dawk fil-bżonn.