Internazzjonali

L-ewwel attakk Amerikan fuq l-ISIS mit-Turkija

Ajruplani militari Amerikani wettqu l-ewwel attakk mill-ajru kontra l-ISIS fis-Sirja wara li telqu mill-bażi ta’ Incirlik fit-Turkija.

Dan jirriżulta minn sorsi militari Amerikani li qed ikunu kwotati mill-media Amerikana.

It-Turkija l-Erbgħa ħabbret li kienet qed tlesti biex tkabbar l-offensiva kontra l-ISIS.

Ix-xahar li għadda, it-Turkija tat bidu għal attakki mill-ajru kontra l-ISIS fis-Sirja wara eskalazzjoni fil-vjolenza mill-ISIS kontra t-Torok. Dan wassal ukoll biex fl-aħħar it-Turkija aċċettat li tibda tħalli lill-Istati Uniti tuża bażijiet fit-Turkija stess għall-attakki li qed isiru fuq l-ISIS.

S’issa l-ajruplani Amerikani kienu qed jitilqu minn bażijiet fil-Golf. L-użu tal-bażi ta’ Incirlik fit-Turkija se jagħmel differenza kbira għaliex issa l-ajruplani jkunu fis-Sirja f’anqas minn nofs siegħa u jkunu jistgħu jdumu sitt sigħat jittajru fl-ispazju tal-ajru Sirjan.