“Bħalissa m’hawn l-ebda Maltin jaħdmu fl-uffiċċju ta’ Huawei, u l-post jinsab vojt”. Hekk ġejna infurmati permezz ta’ telefonata li għamilna ilbieraħ fejn provajna nagħmlu kuntatt mal-uffiċċju ta’ Huawei.
Meta ċempilna Smart City qalulna li “bħalissa m’hemm ħadd l-uffiċċju, għaliex l-uffiċċju jinsab vojt”.
L-istess persuna qaltilna li n-nies ta’ Huawei għandhom ġranet partikolari meta jkunu l-uffiċċju, u huma stess javżaw qabel lin-nies ta’ Smart City meta jkunu ġejjin minn barra. Dan ifisser li għal maġġorparti tal-ġimgħa, l-uffiċċju ta’ Huawei f’Malta qed ikun minħajr ruħ waħda fih.
“Huma dejjem jgħidulna meta jkunu ġejjin in-nies minn barra, iżda bħalissa fl-uffiċċju m’hawn ħadd”. L-istess persuna li tkellimna magħha ilbieraħ filgħodu ma kienitx f’pożizzjoni li tgħidilna meta ġejjin Malta n-nies ta’ Huawei għaliex biex tagħmel dan riedet l-awtorizzazjoni tagħhom.
Minn naħa tagħna, spjegajna li aħna bħala ġurnalisti konna qed nippruvaw nagħmlu kuntatt mal-uffiċċju ta’ Huawei fi Smart City għaliex kellna xi domandi x’nagħmlu. Il-persuna li weġbitna qaltilna li ċ-Ċiniżi jiġu pajjiżna b’mod regolari, u javżaw lil Smart City ħamest ijiem qabel.
Aktar tard waranofsinhar imbgħad żorna Smart City fejn innutajna li fuq barra tal-binja m’hemm l-ebda tabella li timmarka l-preżenza ta’ Huawei. Fuq ġewwa iżda, ħdejn ir-reception, hemm immarkat li l-post li minnu qed joperaw Huawei huwa uffiċċju numru 604.
Il-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Ċiniża Huawei ġie iffirmat f’nofs ix-xahar li għadda fi Smart City b’pompa kbira minn naħa tal-Gvern Laburista u l-Prim Ministru Josep Muscat.
Dak li kellu jkun l-ewwel xogħol maġġuri minn naħa ta’ Sai Mizzi, spiċċa biex inbidel f’iffirmar ta’ ftehim ta’ koperazzjoni ma’ kumpanija Ċiniża li sippost se timpjega għaxar minn nies u li lanqas biss nafu kemm se tinvesti f’pajjiżna.
Wara l-iffirmar tal-Memorandum of Understanding mal-kumpanija Huawei, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma qalx kemm se tinvesti f’Malta din il-kumpanija. Anzi, għażel li jirredikola l-mistoqsijiet tagħna u insista li huma domandi “stupidi”.
Joseph Muscat deher ukoll skomdu iwieġeb quddiem ir-rappreżentanti tal-Huawei dwar it-€13,000 fix-xahar li qed iddaħħal Sai Mizzi.
Ftit tal-jiem wara f’konferenza tal-aħbarijiet oħra, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien qal li “għalissa għandna nkunu kburin li Huawei ġejja Malta u hu impossibli li nkunu nafu minn issa x’investiment se tagħmel f’pajjiżna”. L-istess Ministru kien qal lill-ġurnalisti tagħna illi “anke jekk ikun hemm segretarja mat-telefown tkun biżejjed!”
S’issa jidher li Huawei mhux talli ma impjegaw lil ħadd, talli lanqas il-famuża segretarja li semma’ Edward Scicluna ma sabet xorti mal-kumpanija Ċiniża għaliex fl-uffiċċju m’hemm assulutament ħadd.
//= $special ?>

