Lokali

Minn Surġent Maġġur għal Security Manager fl-Isptar Mater Dei

Aktar nies qed joħorġu bil-pensjoni minn mal-Korp tal-Pulizija u jingħataw impjieg ieħor mal-Gvern jew mal-aġenziji tiegħu. L-aħħar każ hu dak ta’ Surġent Maġġur, li hekk kif irtira mill-Korp tal-Pulizija ngħata ħatra ta’ Security Manager fl-Isptar Mater Dei, bil-Ministru Konrad Mizzi ma jgħidx jekk għal din il-kariga nħarġitx sejħa pubblika jew l-impjieg ingħatax fuq il-mertu ta’ position of trust.

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-ġurnal In-Nazzjon żvela każ ieħor simili, tas-Surġent Maġġur Steve Monreal, li wara li kien ġie reinstated fil-Korp tal-Pulizija biex żied il-pensjoni tiegħu minn Surġent għal Surġent Maġġur, kien ingħata impjieg bħala Procurement Manager fi ħdan il-Ministeru ta’ Helena Dalli.

Issa feġġ każ ieħor, dak tas-Surġent Maġġur Francis Rodgers, li jiġi ħu Mario Rodgers, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tat-Turiżmu.

Fil-Parlament, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami staqsa lill-Ministru Carmelo Abela meta s-Surġent Rodgers ingħata l-promozzjoni ta’ Surġent Maggur, fejn kien ġie assenjat wara li ngħata l-promozzjoni ta’ Maġġur u meta rtira mill-Korp tal-Pulizija.

Fir-risposta tiegħu, il-Ministru Abela kkonferma li Francis Rodgers ingħata l-ħatra ta’ Surġent Maġġur fil-15 ta’ Novembru 2013. Qabel il-promozzjoni, kien stazzjonat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u uffiċjalment baqa’ fit-Taqsima sal-11 ta’ Settembru 2014. B’effett mill-għada, hu ġie stazzjonat fl-Għassa ta’ Bormla bħala persuna inkarigata mid-detail tad-Diviżjoni, minfejn spiċċa bil-pensjoni b’effett mill-11 ta’ Mejju li għadda.

Min-naħa tiegħu, Beppe Fenech Adami reġa’ għamel Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru Konrad Mizzi, fejn staqsieh jikkonfermax hux veru li Francis Rodgers jaħdem fi ħdan waħda mill-istrutturi tal-Isptar Mater Dei, jekk kienx hemm sejħa pubblika jew jekk ġiex impjegat bħala persuna f’pożizzjoni ta’ fiduċja. Talbu wkoll jagħti d-data preċiża meta ġie impjegat Francis Rodgers, f’liema skala taċ-Ċivil hu impjegat u x’inhi n-nomenklatura li għandu bħalissa.

Filwaqt li kkonferma li Francis Rodgers jokkupa l-kariga ta’ Security Manager fl-Isptar Mater Dei, kif ukoll li beda jaħdem hemm fil-11 ta’ Mejju li għadda u li l-paga tiegħu hi ekwivalenti għal dik ta’ Skala 7, il-Ministru Konrad Mizzi naqas milli jwieġeb jekk Rodgers huwiex impjegat f’position of trust jew jekk ġiex impjegat wara sejħa pubblika, kif suppost isir f’karigi sensittivi bħal dawn.