Dalgħodu fil-Qorti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, preżenta rikors sabiex il-ħames kawżi ta’ libell li għamel din il-ġimgħa kontra l-media tal-Partit Laburista u tal-General Workers Union jinstemgħu b’urġenza.
Fi stqarrija l-Kap tal-PN tenna li hu ma jibżax mill-verità. U għalhekk huwa talab li l-kawżi jinstemgħu b’urġenza sabiex jiġi kkonfermat mill-aktar fis li l-allegazzjoni li rrikatta lill-familja Gaffarena huma gidba mill-bidu sal-aħħar.”
“Li xi ħadd jgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni rrikatta lil xi ħadd hija xi ħaġa gravi għax ir-rikatt huwa minnu nnifsu reat kriminali. Għaldaqstant huwa fl-interess pubbliku li toħroġ il-verità kemm jista’ jkun malajr”, sostna Simon Busuttil.
Il-Kap tal-PN jittama li l-Qorti tilqa’ din it-talba sabiex il-verità kollha toħroġ illum qabel għada u min gideb jerfa r-responsabbilità, minflok jistaħba wara d-dewmien fil-qrati.
Simon Busuttil temm jgħid li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti biex il-Prim Ministru jieħu passi fuq ir-rapport tal-Imħallef Michael Mallia li sab li jeżistu rabtiet perikolużi bejn il-familji Gaffarena u Zammit li t-tnejn huma mbuttati mill-Gvern Laburista. S’issa għaddiet ġimgħa u l-Prim Ministru baqa’ sieket.
L-Oppożizzjoni mhux se tħalli lill-Gvern ifarfar din ir-responsabbilità billi jipprova jiddevja l-attenzjoni, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>