Lokali

Xufier tal-linja jispiċċa l-Qorti wara li passiġġiera ħassha ħażin bis-sħana

Il-problemi u nuqqas ta’ manutenzjoni tal-karozzi tal-linja mhux biss qed isofru minnha l-passiġġieri, li jispiċċaw jistennew għalxejn għal tal-linja li qatt ma tasal, għax tkun waqfet x’imkien, imma anke’ s-sewwieqa.

Filfatt dan l-istazzjon hu nfurmat li xufier tal-linja spiċċa l-Qorti, jaffaċċja proċeduri legali kontrih, wara li passiġġiera ħassha ħażin waqt vjaġġ li kien qed jagħmel.

Dan għaliex il-karozza tal-linja li kien qed isuq ma kelliex arja kundizzjonata, u fuq ġewwa kien hemm temperatura għolja ħafna li kienet insapportabbli.

Jirriżulta li x-xufier jista’ jinstab ħati għaliex għal-liġi, waqt li kien għaddej bil-vjaġġ hu responsabbli tal-vettura u l-passiġġieri li jkun qed iġorr.

Dan il-każ qajjem rabja fost xufiera oħra, li tkellmu magħna u spjegaw li l-passiġġieri qed iduru kontrihom u jirrabjaw magħhom għal problemi rikorrenti li l-kumpanija Spanjola mhix issolvi. Kumpanija li qed tinghata it-triplu tas-sussidju li kien jinghata qabel.

Filfatt dan l-istazzjon hu nfurmat li numru ta’ xufiera tal-linja qed jirrifjutaw li jsuqu karozzi tal-linja mingħajr arja kundizzjonata, imma n-nuqqas ta’ vetturi, kawża wkoll tal-ammont kbir li qed jieqfu ta’ kuljum, ma tantx iħalli għażla.

Ix-xufiera li tkellmu magħna staqsew ukoll fejn hi l-General Workers’ Union. Fakkru li f’Lulju 2013 din il-union kienet ħarġet qatta’ bla ħabel tattakka lill-Arriva, tilmenta li l-kundizzjonijiet fuq tal-linja mingħajr arja kundizzjonata hi inaċċettabbli.

Dakinhar il-General Workers’ Union kienet iddeskriviet is-sitwazzjoni abbord il-karozzi tal-linja bħal daqs li kieku dħalt f’forn jew microwave u għalhekk ħarġet numru ta’ direttivi.

Illum is-sitwazzjoni hi ugwali, imma s-skiet tal-General Workers’ Union itarrax.