“Insaħħu u ntejbu s-sistema tad-distribuzzjoni elettrika biex nindirizzaw bis-serjetà l-problemi relatati ma’ qtugħ ta’ provvista elettrika li ġejjin mis-sistema ta’ distribuzzjoni.”
Silta mill-programm elettorali tal-Partit Laburista tal-2013 – silta li qatt iktar minn dan iż-żmien ma tinstema ‘l bogħod mill-verità meta għal darba oħra parti sostanzjali ta’ Malta spiċċat bla dawl.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ukoll kien jinsab bla dawl. L-Isptar Mater Dei għal xi sekondi ukoll kien bla dawl, iżda qabad mill-ewwel il-generator.
Il-qtugħ ta’ dawl affettwa wkoll l-andament tat-traffiku fit-toroq arterjali tal-pajjiż minħabba li numru ta’ traffic lights ma kinux qed jaħdmu. Fl-Imsida wieħed seta’ jinnota sriebet ta’ karozzi minħabba li t-traffiku ma setax jimxi faċilment.
Fost il-lokalitajiet li żorna madwar Malta, fil-Ħamrun spikkaw n-numru ta’ sidien ta’ ħwienet li kienu barra mill-ħwienet tagħhom, ħafna minnhom jilmentaw li s-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ sejra hekk, bid-dawl jinqata’ kull ftit jiem. Fil-Ħamrun s-sitwazzjoni hija agħar minħabba li matul din il-ġimgħa jinsabu fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għall-festa ta’ San Gejtanu li tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd li ġej.
Festa oħra milquta minn dan il-qtugħ tad-dawl hija l-festa tas-Salvatur f’Ħal Lija fejn deher ċar id-diżappunt ta’ dawk li kellhom jiċċelebraw il-festa tagħhom iktar tard filgħaxija.
Fuq Facebook għadd kbir ta’ nies esprimew ir-rabja u d-diżappunt tagħhom partikolarment fid-dawl tal-wegħdiet kbar li għamel il-Gvern Laburista fil-qasam tal-enerġija. Fost dawn il-wegħda tal-ftuħ ta’ powerstation ġdida li suppost kellha tkun lesta fi żmien sentejn. Issa li waħda mill-kumpaniji ewlenin irtirat mill-konsorzju li kien se jibni l-powerstation ikomplu jikbru d-dubji dwar din il-wegħda tal-Gvern Laburista. Powerstation li, kif sostna kemm-il darba l-Partit Nazzjonalista, lanqas biss hija bżonnjuża għal pajjiżna minħabba li l-Gvern jista’ facilment jikseb l-elettriku mill-interconnector.
Fil-fatt stqarrija tal-Enemalta tindika b’mod mill-iktar ċar kif il-Gvern diġà qed jikseb l-elettriku bl-irħis mill-interconnector tant li ddikkjara li l-qtugħ tal-elettriku seħħ minħabba ħsarat minn Sqallija fl-interconnector.
Stqarrija separata mill-Gvern ukoll ikkonfermat li l-qtugħ tad-dawl kien ikkawżat minn ħsara min-naħa ta’ Sqallija fuq l-interconnector. L-istqarrija tkompli tgħid li l-qtugħ tad-dawl li seħħ jikkonferma kemm huwa bżonnjuż il-pjan ħolistiku għall-enerġija tal-Gvern mingħajr ma tagħmel l-ebda referenza għall-powerstation għadha mhijiex lesta minkejja l-wegħda tal-gvern li jlesti din il-powerstation fi żmien sentejn.
Intant numru ta’ persuni li għamlu kuntatt ma’ maltarightnow.com ftakru fil-blackout li laqtet lil Malta bħal dan iż-żmien sena ilu u li wasslet biex diversi żoni fil-pajjiż saħansitra għaddew il-lejl mingħajr id-dawl. Dakinhar kien hemm żoni li saħansitra baqgħu bla dawl għal aktar minn tnax-il siegħa.
//= $special ?>