Erba’ persuni ddaħħlu l-Isptar Mater Dei, wieħed minnhom fil-periklu li jitlef ħajtu, wara li lbieraħ filgħaxija kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10.30pm fit-Triq ta’ Ħal Far fil-limiti ta’ Birżebbuġa bejn vettura tat-tip Mazda Demio u VW Golf, filwaqt li bl-impatt intlaqtet ukoll vettura tat-tip Fiat 500.
Fil-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu lill-passiġġier tal-vettura Volkswagen, żagħżugħ ta’ 16-il sena minn Bormla, li ttieħed l-Isptar permezz tal-Ambulanza. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika.
Ix-xufier u l-passiġġiera tal-Mazda, żagħżugħ ta’ 27 sena u żagħżugħa ta’ 23 sena, it-tnejn minn Birżebbuġa, flimkien mal-passiġġiera tal-vettura Fiat, mara ta’ 32 sena mill-Mosta, ukoll ittieħdu l-Isptar. Hemm, iż-żgħażagħ ta’ 27 u 23 sena kienu ċċertifikati li qed isofru minn feriti ħfief, filwaqt li l-mara ta’ 32 sena ġiet iċċertifikata li qed issofri minn feriti gravi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkejsta. Il-Pulizija mill-Għassa taz-Zejtun qed tinvestiga l-każ.
//= $special ?>

