Lokali

Ikompli jinkixef il-mod kif il-gvern jaħdem fejn irid jaqdi nies magħżula minnu.

Il-gazzetta The Times tiżvela kif numru ta’ uffiċjali irtirati tal-Forzi Armati Maltin ingħataw promozzjonijiet, b’wahda minnhom tmur lura għal 23 sena bid-dritt li jingħata eluf ta’ ewros f’arretrati

Din id-deċiżjoni tħabbret fil-Gazzetta tal-Gvern fejn tħabbar li l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela kien approva promozzjoni lill-Maġġur Joseph Mary Galea għar-rank ta’ kurunell logotinent b’effett mill-20 ta’ Jannar 1992.

Uffiċjal tal-Ministeru tal-Intern ikkonfermat dawn il-promozzonijiet u qalet li dawn huma parti minn eżerċizzju biex jissewwew l-hekk imsejħa inġustizzji tal-passat fl-Armata. Dawn l-allegati inġustizzji qed jissewwew permezz ta’ kummissjoni preseduta mill-ex Brigadier tal-Forzi Armati Maurice Calleja.

Ironikament, fis-sena li fiha saret l-allegat inġustizzja mal-Maġġur Joseph Mary Galea, l-istess ex Brigadier Maurice Calleja kien il-Kmandant tal-Forzi Armati.

Minbarra l-każ ta’ Galea, hemm ukoll il-każ ta’ Francis Xavier Chricop li kien maħtur Kaptan b’lura mill-1 ta’ Jannar 2004 u l-każ ta’ Stephen Farrugia li kien promoss għal Kaptan b’lura mill- 1 ta’ Jannar 2005.

L-uffiċjal tal-Ministeru tal-Intern li tkellmet ma’ The Times qalet li dawn il-promozzjonijiet b’lura ingħataw għaliex il-bord ħass li kollha kienu ġenwini u li għalhekk kellhom jiġu kumpensati.

F’dan l-istadju l-Gvern ma jridx jagħti dettalji dwar l-ammont ta’ kumpens li dawn it-tliet uffiċjali tal-Armata se jkunu qed jieħdu.

Il-Brigadier Maurice Calleja, li qed imexxi l-bord li jiddeċiedi dwar dawn l-allegati inġustizzji, kien tneħħa mill-Gvern Nazzjonalista fl-1993 wara li t-tifel tiegħu Meinrad Calleja kien tressaq il-qorti dwar traffikar ta’ droga, liema akkuża kienet tefgħet lil Meinrad Calleja l-ħabs.