Fl-eqqel tas-sajf, issib jilqgħuk għexieren ta’ trailers tad-dgħajjes li qed jokkupaw parti sostanzjali miz-zona popolari mal-Għawdxin, il-Maltin u t-turisti
Diversi persuni li fl-aħħar jiem ikkuntattjaw lil maltarightnow.com ilmentaw dwar is-sitwazzjoni li hemm bħalissa fil-Menqa ta’ Marsalforn – bajja popolari f’Għawdex ma’ ħafna Għawdxin li jkunu fuq villeġġjatura imma wkoll mal-Maltin u t-turisti, speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena.
Kif juru dawn ir-ritratti li rċivejna, il-Menqa nbidlet f’dak li ma tistax tiddeskrivih ħlief bħala ‘Scrapyard’ għat-trailers tad-dgħajjes u l-bastimenti tas-sajd – xi ħaġa li qed tkerrah lil dan il-post u tagħtih dehra li xejn ma tilqa’ lill-mijiet, jekk mhux eluf, ta’ nies li jżuruh kuljum f’dawn il-jiem sħan tas-sajf, sew filgħodu u waranofsinhar għall-għawm, kif ukoll filgħaxija għall-ikel f’xi wieħed mill-ħafna ristoranti li hemm fl-inħawi.
Jidher li ftit tas-snin ilu l-Kumitat Amministrattiv ta’ Marsalforn kien ħa deċiżjoni li trailers tad-dgħajjes mhux użati jitneħħew minn dawn l-inħawi u jitpoġġew f’zona partikolari fil-parkeġġ ta’ Marsalforn, ’il bogħod mill-qalba tal-port u tal-bajja.
Residenti li tkellmu magħna qalulna li din id-deċiżjoni ġiet implimentata immedjatament u baqgħet fis-seħħ kull sena, sax-xitwa li għaddiet, meta bdew xogħlijiet ta’ titjib u tisbiħ tal-Menqa mill-Gvern.
Madanakollu, wara li bħala parti mill-proġett ta’ tisbiħ tal-Menqa, reġgħet ġiet stabbilita zona li hija riservata esklussivament għad-dgħajjes, it-trailers li jintużaw biex jinġarru l-biċċiet tas-sajd reġgħu tfaċċaw u kif jixhdu dawn ir-ritratti qed jokkupaw zona mdaqqsa tal-Menqa ta’ Marsalforn.
Mhux magħruf min ħa din id-deċiżjoni li dawn jerġgħu jibdew jitħallew f’dan il-post, u jekk dan sarx bil-barka tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Marsalforn, li jaqa’ taħt il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ.
//= $special ?>




