Rikjesta li għamlet il-UNESCO wasslet biex il-MEPA ssospendiet deċiżjoni dwar estensjoni tal-mużew tal-Konkattidral ta’ San Ġwann.
Ir-rikjesta tal-UNESCO tressqet fl-aħħar stadju ta’ laqgħa tal-MEPA li kellha tieħu deċiżjoni dwar estensjoni tal-Mużew tal-Konkattidral ta’ San Ġwann fi Triq il-Merkanti fil-Belt.
Kien proprju l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA li, wara li l-partijiet għamlu siegħa jiddiskutu l-proposta, talab li jintervjeni u ressaq l-oġġezzjoni tal-Ambaxxatur tal-UNESCO f’isem l-ICOMOS, li hu l-Kunsill Internazzjonali tal-Monumenti u s-Siti.
Il-proposta għall-estenzjoni tal-Mużew tal-Konkattidral se tinkludi bini fil-parti fejn hemm iċ-ċimiterju biex f’din l-esentensjoni ssir esebizzjoni tat-tapizzeriji ta’ Żmien l-Ordni flimkien ma’ lobby għall-viżitaturi u żoni għall-esebizzjonijiet ta’ oġġetti imprezzabbli tal-Konkattidral.
Il-bini propost se jkun għoli daqs il-kumplament tal-bini fi Triq il-Merkanti u se jkun magħmul minn ħġieġ u ħadid bl-iskop li joħloqx disturb mal-kumplament ma’ Triq il-Merkanti. Il-parti li se tkun mibnija kienet inbniet fis-sittinijiet wara li partijiet li kien hemm qabel kienu twaqqgħu fil-gwerra. Quddiem il-MEPA kienu proposti pjanti dettaljati ta’ kif se jiġi l-mużew il-ġdid, bil-qofol tal-pjani sala kbira għat-tapizzeriji.
L-applikazzjoni tal-Fondazzjoni tal-Konkattidral ta’ San Ġwann sabet l-appoġġ tad-Direttorat tal-Ippjanar.
Kien propju meta l-Bord tal-MEPA kien se jasal għall-vot li l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA intervjena u qajjem il-punt dwar il-UNESCO. Iċ-Chairman staqsa lill-Fondazzjoni jekk kinitx lesta taċċetta sospensjoni sakemm isiru diskussjonjiet mal-UNESCO. Jidher li l-oġġezzjoni tal-UNESCO tikkonċerna l-effetti li se jkollu l-bini propost.
Rappreżentanti tal-Fondazzjoni qalu li l-pjan kien diġà diskuss iżda huma kienu lesti li jerġgħu jiddiskutuh mal-ICOMOS.
Fil-laqgħa ċ-Chairman tal-MEPA oġġezzjona għal email li aktar kmieni ċ-Chairman tal-Għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar Astrid Vella bagħtet lil kull membru tal-bord fuq l-email personali tagħhom. Iċ-Chairman qal li Astrid Vella bagħtet din l-email tinfluwenza lill-membri tal-bord fid-deċiżjoni tagħhom dwar il-proġett.
L-ambjentalista Astrid Vella wieġbet li hi kienet bagħtet l-email wara li kkomunikat mas-Segretarju tal-Bord tal-MEPA biex l-email tagħha tintbagħat b’mod uffiċjali. Astrid Vella qalet li l-email kienet tikkonsisti f’rapport li kellu jkun pubbliku.
//= $special ?>

