Kurżitajiet

Sejba ta’ deheb tan-Nażisti

Arkeoloġista ‘dilettant’ fil-Ġermanja skopra kollezzjoni tal-muniti tad-deheb storika, li n-Nażisti kienu difnu taħt l-art fl-aħħar ġranet tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-ħażna nstabet imgeżwra f’karta bl-emblema tal-ajkla u s-swastika Nażista u fejn tidher ċara l-kelma ‘Reichsbank’. Dan jissuġġerixxi li l-muniti kienu nsterqu mill-bank tal-Ġermanja ta’ żmien il-gwerra u li d-delitt seta’ twettaq ‘minn persuni ta’ ġewwa’ li sfruttaw l-aħħar ġranet kaotiċi tal-hekk-imsejjaħ Third Reich li kien joħlom biha l-eksdittatur Adolf Hitler.

Intant, ir-raġel ixxurtjat, Florian Bautsch, kien sab għaxra minn dawn il-muniti ġo ħofra taħt siġra ġo għalqa qrib il-belt ta’ Lueneburg, fit-Tramuntana tal-Ġermanja. Imbagħad nies oħra professjonali rnexxielhom jeskavaw xi 207 muniti oħra.

Il-muniti – ta’ oriġini Franċiża, Belġjana, Taljana u Awstro-Ungeriża – kienu ħarġu bejn l-1831 u l-1910. Instabu wkoll żewġ siġilli tal-aluminju (bis-swastikas, l-ajkli u l-kliem Reichsbank Berlin 244) midfunin taħt l-għalqa flimkien mal-muniti.

Bautsch, rappeżentant tas-sales ta’ 31 sena, irrakkonta li hu sar jaf li kien għamel skoperta sinifikanti ‘ladarba l-metal detector tiegħu beda jaqbeż f’idejh bħal ħaġa miġnuna’. Ftit wara li Bautsch ġabar l-ewwel muniti mill-ħofra, hu qabad iċempel lill-awtoritajiet biex jgħidilhom bis-sejba.

Hu probabbli li r-raġel, li għandu wkoll il-liċenzja ta’ ‘treasure hunter’, hu intitolat għal premju żgħir għal din l-iskoperta.