Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal anzjan li agredixxa żagħżugħ b’sikkina

Anzjan ta’ 79 sena ingħata sentenza sospiża ta’ priġunerija wara li ammetta li wettaq feriti gravi fil-konfront ta’ impjegat ta’ supermarket f’Għawdex. Il-każ seħħ fil-kumpless Duke’s f’Novembru ta’ sentejn ilu.

Antonio Borg, li huwa miż-Żebbuġ, ammetta li aggredixxa b’sikkina lil Josef Galea li għandu 29 sena. Dan minħabba li hu u l-manager tas-supermarket ma ħallewhx jidħol fl-istabbiliment bil-basktijiet li kellu f’idu.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud ikkundanna lil Borg għal sitt xhur ħabs, sospiżi għal sentejn. Dan wara li l-Maġistrat innota li l-anzjan ammetta l-ħtija. Antonio Borg għamel ukoll apoloġija lil Galea, għalkemm il-Qorti insistiet li huwa inaċċettabbli li xi ħadd jieħu l-liġi b’idejh u jagredixxi persuna b’sikkina minħabba sempliċi argument.