Edukazzjoni Lokali

AĠĠORNATA: Xejra ta’ tnaqqis fl-applikazzjonijiet għall-MCAST

Kienu b’kollox 2,200 dawk li wieġbu għall-ewwel sejħa li ħareġ il-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) għal dawk kollha interessati li jieħdu kors ġdid f’din l-istituzzjoni edukattiva.
Din l-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet għalqet f’Lulju, iżda kelliem għall-MCAST ikkonfermatilna li l-Kulleġġ se jibqa’ jżomm il-bieb miftuħ għal student prospettivi. Apparti minn hekk, f’Settembru se toħroġ it-tieni sejħa għal student ġodda f’dan il-Kulleġġ.

Skont informazzjoni miġbura minn dan il-ġurnal, l-ammont ta’ student li din is-sena applikaw għall-MCAST huwa ferm anqas mill-ammont ta’ applikazzjonijiet li daħlu fl-ewwel sejħa tliet snin ilu – l-aħħar sena akkademika taħt amministrazzjoni preċedenti.

Iċ-ċifri ta’ Lulju 2012 juru li fl-ewwel sejħa tal-MCAST f’dik is-sena kienu applikaw mat-3,200 student. Dan ifisser differenza ta’ 1,000 applikazzjoni. Wieħed irid jirrimarka li bejn 2001 u l-2012 dejjem kien hem żieda fl-applikazzjonijiet għall-MCAST sena wara l-oħra.

Is-sena akkademika l-ġdida tal-MCAST se tibda fl-1 t’Ottubru li ġej. Minbarra studenti ġodda, l-MCAST se jkun qed jilqa’ lura eluf ta’ student oħrajn li se jissoktaw bil-korsijiet tagħhom.

Il-kelliema tal-MCAST qaltilna li ħafna mill-istudenti li kellhom jagħmlu resits tal-eżamijiet diġa’ għamluhom. Resits oħra se jkunu qed isiru f’Settembru.

F’domandi li għamilna permezz tal-email saqsejna ukoll għaliex diversi student qed jilmentaw magħna li sal-lum għadhom ma rċievewx ir-riżultati tal-eżamijiet li għamlu. L-istess kelliema qaltilna li hemm ftit student mill-korsijiet fl-Istitut tas-Servizzi fil-Komunita’ li għadhom qed jistennew ir-riżultati tal-eżamijiet.

Iżda dan il-ġurnal huwa nfurmat li diversi studenti fl-Istitut tal-Bini u l-Kostruzzjoni (IBCE) ukoll għadhom qed jistennew ir-riżultati tagħhom.

L-MCAST ikkonfermawlna li l-istudenti se jingħataw ġimgħatejn ċans biex japplikaw online għas-sena akkademika l-ġdida.

Kjarifika mill-MCAST

Intant, fi stqarrija bi dritt għar-risposta, l-MCAST qal li l-proċess ta’ applikazzjonijiet għadu mhux konkluz. Ikkonferma wkoll li certu rizultati se jibdew jaslu ghand l-istudenti fil-jiem li ġejjin.

Kif gara fis-snin li ghaddew, l-MCAST se jkun qed jiftaħ it-tieni sejħa għall-applikazzjoni wara li joħorġu r-riżultati tar-resits. Il-Kulleġġ sostna li matul dawn l-ahhar snin in-numru totali ta’ studenti baqa’ dejjem jizdied.