Lokali

Aġġornata b’Filmat (6): Ħaddiem Malti jitlef ħajtu f’sit tal-kostruzzjoni fil-Gżira – tnejn oħra midruba, wieħed minnhom fil-periklu li jitlef ħajtu

Traġedja fil-Gżira: ħaddiem jitlef ħajtu, tnejn oħra jweġġgħu

Raġel ta’ 56 sena minn Birkirkara miet wara inċident li seħħ il-Gżira, meta ċediet gallarija u scaffolding f’sit ta’ kostruzzjoni. Sfortunatament, ir-raġel kien ċertifikat mejjet fuq il-post.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.15 ta’ waranofsinhar fi Triq Abate Rigord, kantuniera ma’ Triq il-Ġnien, meta ċediet il-gallarija u l-iscaffolding. Kawża tal-inċident, ħaddiem ieħor ta’ 62 sena minn Birkirkara weġġa’ b’mod li jinsab fil-periklu tal-mewt. Raġel ieħor, ta’ 44 sena minn San Ġwann ukoll ittieħed l-isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.

Malli seħħ l-inċident, issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċvili. L-operazzjoni biex ġew irkuprati t-tliet ħaddiema mit-tifrik tmexxiet mill-Operations Manager tal-Protezzjoni Ċivili Tony Pisani, mill-Ispettur Jason Francis Sultana u mis-Surġent David Sant.

Fuq il-post marru wkoll l-Espert tal-Qorti l-Perit Richard Aquilina u t-Tabib Jonathan Jocelyn.

Minn stħarriġ li sar, jirriżulta li waqgħet il-gallarija li l-ħaddiema kienu qed jaħdmu fuqha. Barra minnhekk, il-piż tal-blokka tal-konkos wassal biex iġġarraf ukoll l-iscaffolding li l-ħaddiema kienu qed jużaw.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli li ordnat li ssir inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.

Kawża tat-traġedja għal xi ħin iz-zona nħakmet minn konġestjoni tat-traffiku minħabba l-ammont kbir ta’ vetturi tal-Pulizija u tal-Protezzjoni Ċivili li kienu fuq il-post.

Filmati: Roberto Runza u Bernie Dimech

il-mara tal-vittma