Lokali

Ebda benefiċċju għall-ambjent mill-qasma tal-MEPA – Din l-Art Ħelwa

Il-qasma tal-Awtorita’ għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma ġġib ebda benefiċċju għall-ambjent. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa fil-kummenti uffiċċjali marbuta mal-proċess ta’ konsultazzjoni għall-abbozzi ta’ liġi li bihom id-direttorat tal-Ambjent se jinfired minn mal-MEPA.

Fi stqarrija, Din l-Art Ħelwa qalet li l-involviment tal-esperti ambjentali fil-proċess ta’ ippjanar se jonqos u ma jidhru ebda salvagwardji ambjentali oħrajn flokhom. Issa se jkun iktar faċli biex isir bini fuq zoni ta’ sensittivita’ ambjentali u iktar faċli li żvilupp illegali jiġi sanzjonat. L-uniċi nies li se jkunu kuntenti b’din il-qasma huma l-ispekulaturi għaliex kulħadd, inkluż żviluppaturi tal-affari tagħhom, jispiċċaw minn taħt meta l-kampanja Maltija u l-ambjent urban ikunu rovinati.

Din l-Art Ħelwa qalet li l-użu tal-art hu wieħed mill-ikbar fatturi li jpoġġu pressjoni fuq l-ambjent Malti u għaldaqstant, l-ambjent u l-ippjanar għandhom ikunu trattati flimkien.

L-Għaqda tkompli li l-Awtorita’ l-ġdida tal-Ippjanar donnha qed tneħħi kull forma ta’ responsabbilta’ ambjentali. Iżda deċiżjonijiet tal-ippjanar huma wkoll deċiżjonijiet ambjentali.

Din l-Art Ħelwa talbet ukoll sabiex tippreżenta l-pożizzjoni tagħha direttament lill-Membri Parlamentari fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet meta l-Parlament jerġa’ jiftaħ wara l-vakanzi tas-sajf.